www.ġolħajt.com Mhux l-ewwel darba li smajtu joħroġha minn fommu! L-iktar meta xi ħadd minn dawk li jaħdmu miegħu ifettillu jgerfex xi waħda u jagħmel l-affarijiet bil-maqlub! “Insomma www.ġolħajt.com!”
Kemm hawn sitwazzjonijiet fil-ħajja li tista’ malajr iddaħħalhom fil-lingwaġġ teknoloġiku ta’ żminijietna! Il-ħajja kollha saret Internet sħiħ! U l-ġrajjiet li ngħixu fihom jistgħu faċilment jissarrfu f’websites! Tiġix tgħidli li qatt ma żort il-website: www.rasiibesa.com! Jew www.parolifilvojt.com! Inkella www.nieħugħalija.com! U xi ngħidu mbagħad għal www.nagħmelilqrun.com! Insomma ħbieb il-lista titwal daqskemm irriduha titwal! Il-ħażen minn ħajti jinqata’ ħesrem bl-għajnuna ta’ Alla. Imma l-ewwel nett irrid inkun irrid jien. U issa ħa nkun raġe u mara: għaliex għandi nagħmel plejtu jekk xi ħadd jiftaħli għajnejja? Jaqaw qiegħed inħossni komdu u moqdi fih? Mela l-website li se nitħaddtu fuqha illum www.ġolħajt.comhi għalija!
Minn minna qatt ma żar din il-website fl-Internet ta’ ħajjitna! Jiena ġieli żortha wkoll! U meta żortha ruħi u ġismi dejjem iddubbaw xi virus warrab wiċċek! Tibżgħux! Mill-ewwel nintebaħ xi jkun ġara meta nkun meddejt riġli fit-territorju ipprojbit! Nibda’ niġġamja. Nibbies biex inħobb. U insa’ li ħa naħfirlek! U ma’ kull naqra intopp li jinqalgħali arani nfur bir-rabja! Mà x’biża’! U nispiċċa li mhux biss nagħmel id-dinja baħar imma li ngħaffeġ u ntajjar l-irjus ta’ min miskin jaħsel jiġi quddiem wiċċi! Mela aħseb u ara kemm se nqis il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor? Fosthom tiegħek? U ara taħsbu li b’din l-imġieba tat-tqalliegħ tal-istonku qiegħed nirrispetta lili nnifsi? U fejn sejjer b’rasek? F’dak il-mument ninsa li ġejt maħluq xbieha l-aktar maħbuba ta’ Alla u nsir dimonju prim! U ħa ngħidlek, jekk irrid inkun sinċier miegħi innifsi, malajr nintebaħ minn fejn ġej dan kollu! U mhux ovvja li nkun qiegħed nagħmel lili nnifsi l-Alla ta’ ħajti? Tgħidlix li ma ntabħtx tafx! Ma tridx tkun professur biex tintebaħ. Tħallinix ninfaqa’ nidħak f’wiċċek!
Imma kif? Jiena? Saċerdot? Mara jew raġel tal-familja? Persuna li kulħadd jafni b’tajba jew tajjeb? Daqskemm ommi u missieri rabbewni fit-tajjar? Ma mmurx każini? B’daqshekk! Jiena iva! U ħadd ieħor ħliefi! Biżżejjed ninkwieta iktar milli jmissni u tara jekk naqax fix-xibka ta’ www.ġolħajt.com! U nintebaħ li nkun dħalt fil-website li ma kellix nidħol fiha. Għax dritt qalbi timtela bl-imrar u l-ġudizzji! Minn dawn issibli bir-rimi! U meta l-pattern ta’ mġiebti jibqa’ sejjer mill-ħażin għall-agħar ikolli nammetti li nkun inktibt bħala membru onorarju f’www.ġolħajt.com!
X’waħdadin! Kif se nħassar il-parteċipazzjoni tiegħi f’www.ġolħajt.com? It-tweġiba sibtha f’Santu Wistin, li fi żmienu kien tal-qalba f’ www.ġolħajt.com. Meta beda jfisser is-Salm 40 l-ex membru ta’ www.ġolħajt.comqal: “Ħalli lill-Mulej Alla tiegħek ikun it-tama tiegħek. Tittama f’xejn iktar ħlief fil-Mulej Alla tiegħek. Ħalli lill-Mulej Alla tiegħek innifsu jkun it-tama tiegħek. Għaliex ħafna huma n-nies li jittamaw li jiksbu minn idejn Alla ġid u unuri li jispiċċaw u jtulu biss ftit taż-żmien. Fi ftit kliem jittamaw li jiksbu kollox minn idejn Alla għajr lil Alla innifsu. Imma int fittex lil Alla fih innifsu. Warrab kull ħaġa ħalli tasal għandu! Insa ħwejjeġ oħra. Ftakar fih. Ħalli ħwejjeġ oħra warajk u ross ‘il quddiem (Fil 3:14) għalih”.
Hawn Wistin veru mhux talli ma baqax membru imma saħansitra sar għadu mill-kbar nett ta’www.ġolħajt.com! Donnu malajr sab irkaptu tal-virus kontra t-tama li kien qiegħed iħassarlu l-kompjuter ta’ ruħu! Ħeqq poġġa program jismu tamafAllasoft! Kemm hu għaqli! Huwa dak God literate ħabib! Lil Alla kien kapaċi jaqrah f’kull sitwazzjoni!
Int kapaċi bħalu! Kulma m’għandek tagħmel hu li meta tintebaħ li tkun dħalt membru f’www.ġolħajt.comdak il-ħin stess ibgħat dan l-sms lil Ġesù: “Ġesù jiena nafda fik!” Tibżax! Joħroġok hu minnha! U jekk il-kompjuter ta’ ruħek jeħel tikkonfondi xejn! Erġa’ irrinstallah bi qrara tajba!
Patri Mario Attard OFM Cap