AĠĠORNAMENT
MR SPEAKER: Nitlob lill-Viċi Prim Ministru biex iressaq l-Aġġornament tal-Kamra.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Sur President, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal-lejla, t-Tlieta 7 ta' Diċembru, 1999 fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Kumitat ta' Provvista - Estimi Ġenerali 2000
It-Sitt Jum Stabbilit (Kontinwazzjoni)
Voti tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi
Mr Speaker, biex il-membri kollha jkollhom il-konferma tal-programm għal dawn il-ġranet li ġejjin, infakkar li fis-seduta tal-lejla għandha tingħalaq id-diskussjoni fuq il-vot tal-ministeru għas-servizzi ekonomiċi. Imbagħad nhar il-Ħamis filgħodu hemm il-vot dwar il-ministeru għall-ambjent u l-Ħamis filgħaxija m'hemmx seduta.
Nhar il-Ġimgħa filgħodu hemm id-dibattitu dwar l-estimi ta' l-awtorità ta' l-ippjanar bil-vot jittieħed f'nofsinhar. Din id-division tittieħed wara 20 minuta mhux bħad-divisions li jissejħu taħt il-voti tal-budget. Għalhekk għandna seduta nhar il-Ħamis filgħodu u nhar il-Ġimgħa filgħodu.
Nixtieq infakkar ukoll li f'Jum ir-Repubblika huwa maħsub li ssir seduta speċjali biex tikkommemora l-25 anniversarju. Din tkun seduta ta' nofs siegħa li fiha jsiru żewġ diskorsi - dak tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni u dak tal-Prim Ministru - ta' kwarta kull wieħed. Imbagħad nhar it-Tlieta nkomplu bil-voti kif hemm stabbilit fl-aġenda, bis-seduti filgħodu u filgħaxija.
Naturalment aktar tard inkunu nistgħu nagħtu aktar informazzjoni. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Skond il-Mozzjoni Nru. 111 tas-17 ta' Novembru, 1999 il-Kamra hija aġġornata għal-lejla t-Tlieta, 7 ta' Diċembru, 1999 fis-6.00 p.m. bl-agenda kif komunikata mill-Viċi Prim Ministru.
Fin-12.31 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB
SPTAR MONTE CARMELI - FUNTANA
11723. L-ONOR. MICHAEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-funtana li hemm fil-bitħa tal-male ward 2 ta' l-Isptar Monte Carmeli ilha abbandunata minn meta ġie inawgurat is-secure unit ta' l-istess sptar? Għaliex din il-funtana tinsab bla ilma u qed tiġi kkaġunata ħsara, minkejja l-ispiża li kienet saret biex issewwiet? Kemm kienet in-nefqa biex il-funtana reġgħet bdiet taħdem iktar kmieni din is-sena?
ONOR. LOUIS DEGUARA: Il-funtana li hemm fil-bitħa tal-MW2 ġiet imbattla mill-ilma fl-ewwel Ġimgħa ta` Ottubru ta` din is-sena. Dan sar biex tkun tista` titnaddaf mit-trab u l-weraq li waqa` fiha matul is-sajf. Reġgħet imtliet bl-ilma ftit ġranet wara u għadha mimlija sal-lum. Għall-ħabta ta` Mejju ta` din is-sena kienu mbiddlu xi pajpijiet minn din il-funtana u l-ispiża totali laħqet is-somma ta` Lm10.46c.
SPTAR MONTE CARMELI - PAZJENTI
11724. L-ONOR. MICHAEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pazjenti ta' l-Isptar Monte Carmeli jixorbux mill-ilma tat-tankijiet ta' fuq il-bjut?
ONOR. LOUIS DEGUARA: Il-pazjenti ta` dan l-isptar jixorbu mit-tankijiet ta` l-ilma li hemm fuq il-bejt kif ilu jsir għal ħafna snin. Dawn it-tankijiet jiġu mnaddfa perjodikament u kollha għandhom għatu. Barra minn hekk, jiġi meħud kampjun ta` l-ilma regolarment mill-Health inspector biex ikun aċċertat li l-ilma jkun tajjeb għax-xorb. Naċċerta lill-Onor. Interpellant li l-ilma hu tajjeb għax-xorb.
SPTAR MONTE CARMELI - ARJA KONDIZZJONATA
11725. L-ONOR. MICHAEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid fl-Isptar Monte Carmeli kemm hemm swali li għandhom l-arja kondizzjonata? Fl-istess sptar kemm hemm uffiċini li għandhom l-arja kondizzjonata? Meta hemm il-ħsieb li swali fl-isptar Monte Carmeli jkollhom l-arja kondizzjonata?
ONOR. LOUIS DEGUARA: Hemm żewġ swali li fl-Isptar Monte Carmeli għandhom arja kondizzjonata. Dawn huma l-FW2 fejn l-arja kondizzjonata kienet ġiet installata fl-1994 u s-secure unit ġewwa l-MW2 fejn l-arja kondizzjonata saret fil-bidu tas-sena 1999. Hemm ukoll tliet uffiċini li għandhom l-arja kondizzjonata. Fil-mument qiegħed isir xogħol ta` upgrading f'ħafna swali għalhekk għadu mhux magħruf meta se nkunu f'qagħda li nkunu nistgħu nagħmlu air conditions fis-swali kollha.
SAN ĠILJAN - DAWL
10781. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex tiġi msaħħa s-sistema tad-dawl fi Triq Ta' Ġiorni, San Ġiljan speċjalment fin-naħa tal-Housing Estate?
ONOR. JOSEF BONNICI: Ninsab informat li ma jirriżultax li hemm ilmenti dwar il-provvista ta' l-elettriku fl-inħawi msemmija. Madankollu l-Korporazzjoni Enemalta ħadet l-intrigu sabiex tibni substation f'dawn l-inħawi sabiex il-livell tas-servizz jitjieb.
SERVIZZ ĊIVILI - ĦADDIEMA
10782. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid, peress li l-kap taċ-Ċivil iddikjara li hawn 5,000 ħaddiem żejjed maċ-Ċivil, kemm jammontaw in-numru ta' persuni barranin impjegati maċ-Ċivil?
Jista' jgħid: a) ta' liema nazzjonalita' huma?
b) X'inhi r-raġuni li ġew impjegati?
c) Kemm ilhom impjegati?
d) X'karigi jokkupaw?
e) X'kundizzjonijiet igawdu?
f) X'inhi r-raġuni li dawn l-opportunitajiet tax-xogħol jinsabu okkupati minn barranin u mhux minn ħaddiema barranin? u
g) X'salarju għandhom?
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Ninsab informat li fis-seminar tal-General Workers Union il-kap taċ-Ċivil ma qalx li hemm 5000 nies żejda maċ-Ċivil iżda li l-perception tal-pubbliku kienet hekk. Jien informat ukoll li dan ikkonfermatu s-Segretarja tat-Taqsima Servizzi Pubbliċi tal-General Workers Union fl-Orizzont tal-Ġimgha 22 ta' Ottubru, 1999.
MITTS - SUR J.R.GRIMA
10783. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-pożizzjonijiet tas-Sur J.R. Grima bħalha Chairman tal-MITTS u l-pożizzjoni tiegħu ta' Kap taċ-Ċivil joħolqux konflitt ta' interess peress li ċ-Ċivil huwa l-akbar klijent tal-MITTS?
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Il-pożizzjoni tas-Sur Grima bħala Kap taċ-Ċivil u bħala chairman tal-MITTS ma toħloq l-ebda konflitt ta' interess. Il-MITTS hija aġenzija kollha kemm hi tal-gvern li x-xogħol tagħha huwa dwar is-sistemi ta' l-informatika fil-ministeri u d-fipartimenti tal-Gvern.
MITTS - IMPJEGAT
10784. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament x'kariga qed tokkupa fil-MITTS?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni u x'kriterji ntużaw biex din il-persuna ġiet impjegata mal-MITTS? Jista'jgħid ukoll x'salarju u x'kondizzjonijiet għandha? Jista' jgħid għaliex dan il-post tax-xogħol mhux okkupat minn persuna Maltija?
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Ninsab informat li l-persuna ddentifikata li tokkupa l-kariga ta' manager, central services unit, kienet ġiet impjegata f'Mejju ta' l-1994 minħabba l-esperjenza u l-kwalifiki li għandha. Minbarra r-repatriation expenses u passaġġi bl-ajru għaliha u għall-familja tagħha darba fis-sena, din il-persuna għandha paga ekwivalenti ta' wieħed Malti, pero' tax exempt. Il-persuna msemmija għandha work permit li jagħlaq fil-31 ta' Awissu, 2000.
DIPARTIMENT TA' L-ARTIJIET
10824. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw il-blokki residenzjali tal-Gvern f'dawn il-lokalitajiet, Bormla, Birgu, Isla, Kalkara, il-Belt Valletta u l-Furjana?
ONOR. TONIO BORG: Ninsab informat li r-records miżmuma mid-Dipartiment ta` l-Estate Management ma jurux in-numru ta` blokki residenzjali iżda n-numru ta` appartamenti li, fil-lokalitajiet imsemmija fil-mistoqsija, hu kif ġej :
Bormla 506
Birgu 274
Isla 179
Kalkara 158
Valletta 1,054
Floriana 207
PA - LANDSCAPING PROJECT
10825. L-ONOR. JOSEPH CUSCHIERI staqsa lill-Ministru ta' l-Intern: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni u x'qed iżżomm lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar milli toħroġ il-permess ta' landscaping project tal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan fl-area ta' Ta' Giorni Housing Estate? Jaf il-Ministru li dan il-proġett huwa wieħed għall-ġid pubbliku tan-nies ta' l-inħawi u li ilu preżentat quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar madwar erba' snin? Jista' l-Ministru jara li fejn jidħlu proġetti kapitali ta' din ix-xorta l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tħaffef il-proċeduri?
ONOR. TONIO BORG: Nassigura lill-Onor. Interpellant li proġetti kapitali li minnhom igawdi l-pubbliku jingħataw l-importanza u l-attenzjoni kollha li jixirqilhom.
Dwar il-każ li qed jirriferi għalih fil-mistoqsija, ninsab informat li l-applikazzjoni kienet tikkonċerna żvilupp li sostanzjalment kien se ssir fuq art ta` terzi persuni u mhux fuq art pubblika u għalhekk fil-bidu ta` Diċembru ta` l-1998 intalbu pjanti ġodda emendati biex jirriflettu din is-sitwazzjoni. Dawn il-pjanti wasslu għand l-awtorita` lejn tmiem Awissu ta` din is-sena.
Sadanittant tlesta id-DPA report li se jintbagħat fil-ġranet li ġejjin lill-kunsill lokali, qabel ma l-applikazzjoni tintbagħat lill-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp biex jiddeċiediha.
DIPARTIMENT TAT-TOROQ - RAPPREŻENTANTI
11891. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jinkariga rappreżentanti tad-Dipartiment tat-Toroq sabiex jieħdu ħsieb jagħmlu rapport ta' l-istat tat-toroq ġewwa dik il-parti residenzjali li tmiss maż-żona industrijali tar-Rikasoli fil-Kalkara u li trid tidħol għaliha mill-istess zona industrijali?
ONOR. ĊENSU GALEA: Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jikonsultaw lill-kunsill lokali u flimkien jaraw dawn it-toroq x`għandhom bżonn.
DIPARTIMENT TA' L-AMBJENT - UFFIĊJAL
11892. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jiġi mibgħut uffiċjal mid-Dipartiment ta' l-Ambjent sabiex jeżamina u wara jipprepara rapport ta' kif l-istat ta' l-ambjent li qed jiffaċċjaw n-nies li joqogħdu viċin iż-żona industrijali tar-Rikasoli, Kalkara senjatament dawk li jridu jidħlu għal darhom minn ġewwa l-istess żona industrijali, jiġi mtejjeb?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Tlabt lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex jinvestiga dan il-każ u jiġbor rapport fil-futur qarib.
-------------
Dostları ilə paylaş: |