Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 0,56 Mb.
səhifə1/8
tarix21.01.2019
ölçüsü0,56 Mb.
#101289
  1   2   3   4   5   6   7   8
    Bu səhifədəki naviqasiya:
  • MINUTI

MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


IT-TMIEN PARLAMENT

Seduta Nru. 210


It-Tnejn, 27 ta' April, 1998

Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


IT-TMIEN PARLAMENT


Seduta Nru. 210


It-Tnejn, 27 ta' April, 1998

Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fid-9.12 a.m.

Talba

SEDUTA NRU. 210
It-Tnejn, 27 ta' April, 1998


WERREJ

4

MINUTI 239

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI 239

TQEGĦID TA' KARTI 244

MOZZJONIJIET 245

ABBOZZ TA' LIĠI BIEX JEMENDA DIVERSI LIĠIJIET DWAR L-ERARJU PUBBLIKU 245

ABBOZZ TA' LIĠI BIEX JEMENDA L-ATT DWAR SIGURTA' SOĊJALI 246

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 246

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-UFFIĊĊJU TAL-POSTA 246

POST OFFICE (AMENDMENT) BILL 246

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA DIVERSI LIĠIJIET DWAR IT-TELEKOMUNIKAZZJONI 258

VARIOUS LAWS (TELECOMMUNICATIONS) (AMENDMENT) BILL 258

AĠĠORNAMENT 268

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 273



MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB 308



MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru. 209 li saret fit-8 ta' April, 1998 ġew konfermati.

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI



MOSKA - AMBAXXATA

11850. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Joe Borg) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li fil-biċċa l-kbira tal-każi fejn l-Ambaxxatur George Saliba ta xi pranzu jew ċena fir-residenza uffiċjali tiegħu - waqt li kien Moska bejn l-1992 u l-1997 - ma kienx jissottometti riċevuti proprji imma sempliċi karta li tindika n-nefqa? Jekk hu minnu, x'kienet ir-raġuni li l-Ambaxxatur kien jagħmel hekk?
Jista' l-Viċi Prim Ministru in oltre jgħid jekk huwiex minnu li l-attenzjoni ta' l-Ambaxxatur kienet inġibdet għal dan in-nuqqas mill-head office; li minkejja dan baqa' ma jissottomettix riċevuti proprji għaċ-ċeni u l-okkażjonijiet l-oħra li kien ikollu fir-residenza; li l-ħlasijiet għal dawn l-okkażjonijiet kienu jsiru cash; u li mindu l-Ambaxxatur Saliba mar New York qiegħed jissottometti r-riċevuti kollha kif mitluba mill-head office u qed iħallas kollox b'cheque?
ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim MInistru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Meta l-Ambaxxatur Saliba kien jospita xi personalitajiet distinti u oħrajn fir-residenza tiegħu ġewwa Moksa, kien awtorizzat jirrimborsa lilu nnifsu għall-ispejjeż li jkun ħareġ f'dik l-okkażjoni, kemm-il darba jkun iddeċieda illi jieħu ħsieb it-tisjir hu flok iqabbad caterers minn barra. Ta' min wieħed jgħid li l-ispejjeż li kien jagħmel minn butu huma ferm anqas, ras għal ras, milli kieku l-Ambaxxatur ħa l-mistednin jieklu f'ristorant tajjeb ġewwa Moska. L-Ambaxxatur dejjem indika, fuq id-dokument uffiċjali ta' rimbors, min kienu jkunu l-mistednin għall-okkażjoni, kif obbligat jagħmel bir-regolamenti tal-ministeru. L-informalita' ta' dawn l-okkażjonijiet, flimkien ma' l-ambjent familjari li fih kienu jinżammu, huma mfittxija u mixtieqa minn uħud mill-mistednin.
L-uffiċjali nkarigati mill-iċċekkjar tal-kontijiet fil-ministeru, kif ukoll l-uffiċċju ta' l-awditur ġenerali, kienu sodisfatti mill-infiq li sar fl-okkażjonijiet kollha t'ospitalita' li nżammu mill-Ambaxxata Maltija ġewwa Moska għas-snin 1992 sa' l-1997. Jiena nformat illi fis-snin imsemmija jeżistu riċevuti fil-kontijiet ta' l-Ambaxxata għal dawk l-okkażjonijiet kollha fejn l-Ambaxxatur seta' jippreżentahom.
Intenni illi, kif għidt drabi oħra, ċekkijiet ma jintużawx ġewwa r-Russja, u għalhekk il-ħlasijiet kollha jsiru jew bi flus kontanti jew bi trasferiment bejn kontijiet bankarji. Kultant huwa diffiċli, aktar minn pajjiżi oħrajn, biex wieħed jottjeni riċevuta fir-Russja għax-xirjiet li jagħmel.

PA - DEVELOPMENT CONTROL COMMISSION

12786. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex is-seduta tad-DCC tas-6 ta' Marzu, 1998 tiġi posposta/imħassra?
ONOR. GEORGE VELLA: Minħabba li l-aġendi għall-kontroll ta' l-iżvilupp huma organizzati skond l-operat ta' l-area teams, kien hemm sitwazzjoni fejn kien hemm bżonn li jkun evitat li jkun hemm aġenda mill-area teams kollha. Wieħed jista' japprezza li din mhijiex xi sitwazzjoni li tiġri spiss iżda kultant tkun meħtieġa, b'mod amministrattiv, u għalhekk ittieħdu passi biex is-sitwazzjoni tkun rimedjata.
Tajjeb li wieħed jinnota li l-kummissjoni f'dawn l-aħħar sitt xhur ħadet medja ta' 950 deċiżjoni fix-xahar, li minnhom 150 saru wara talba għal rikonsiderazzjoni u 200 kienu deċiżjonijiet li kienu delegati lill-planning officers ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
MADAM SPEAKER:(Onor. Myriam Spiteri Debono): L-Onor. Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CENSU GALEA: Madam Speaker, Il-Viċi Prim Ministru qiegħed f'pożizzjoni li jgħidilna meta l-Parlament se jiddiskuti l-pjan ta' struttura, liema pjan ta' struttura jrid ikun pjan rivedut fid-dawl tad-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Planning Authority, li sal-lum imorru kontra l-istess pjan ta' struttura?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, il-pjan ta' struttura jiġi diskuss fil-Parlament meta jkun rivedut u kollox ikun f'postu biex jiġi diskuss.
MADAM SPEAKER: L-Onor. George Pullicino, mistoqsija supplimentari.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Il-Viċi Prim Ministru huwa konxju mill-fatt li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qiegħda timxi fuq guidelines għal swimming pools barra mill-area ta' l-iżvilupp, liema guidelines qatt ma ġew ippubblikati u qatt ma ngħataw lill-periti? Ta' min jgħid li meta titla' għal-laqgħat tad-DCC xorta jirriferu għal dawk il-guidelines li ħadd ma jaf x'inhuma ħlief in-nies li jaħdmu fid-direttorat.
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, safejn jien informat il-handbooks li pproduċew u li qassmu l-Planning Authority fihom il-policies kollha. Imma nieħu nota tal-kumment li għamel il-kollega tiegħi u nara għaliex din tas-swimming pools mhijiex inkluża fil-guidelines.

MADAM SKPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Madam Speaker, f'dawn l-aħħar ġimgħat il-Planning Authority, almenu f'żewġ okkażjonijiet, ħadet deċiżjonijiet li huma għal kollox kontra l-pjan ta' struttura u kontra l-mod ta' kif normalment taġixxi fil-konfront ta' individwi oħrajn. GĦalhekk jikkonsidrax il-Viċi Prim Ministru li l-bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qed jimxi b'mod diskriminatorju ma' mijiet ta' applikanti, fis-sens li applikazzjonijiet ferm iżgħar minn dawk li ġew approvati qegħdin jiġu refused.
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, safejn niftakar jien - u naħseb li safejn jaf il-kollega tiegħi - il-Planning Authority għandha r-regolamenti tagħha kif taħdem, għandha l-awtonomija tagħha, għandha l-bord tal-membri tagħha u m'iniex f'pożizzjoni li nikkritika jew niċċensura jew nissanzjona deċiżjonijiet meħudin bl-iktar mod regolari fil-parameters ta' kif taħdem il-Planning Authority. Ma nistax nifhem kif il-kollegi tiegħi qegħdin jippretendu li nissanzjona deċiżjoni ta' membri li huma eletti skond l-għażliet li saru kemm mill-Prim Ministru ta' qabel kif ukoll mill-Prim ministru tal-lum u qegħdin jimxu fuq ir-regolamenti li għandha l-Planning Authority.
Nistgħu ma naqblux ma' ċerti deċiżjonijiet li jittieħdu u kien hemm deċiżjonijiet fil-passat - li ma nafx b'liema aġġettiv taqbad tiddiskrivihom - li baqgħu jiġu mħaddma għax kienu deċiżjonijiet tal-Planning Authority.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech, mistoqsija supplimentari.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, japprezza li meta qegħdin nitkellmu fuq parametri għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar - dawn il-parametri jinkludu l-liġi li tirregola l-awtorita, il-pjan ta' struttura u l-iskemi temporanji - il-Viċi Prim Ministru huwa obbligat, almenu fil-livell politiku, li jindaga serjament żewġ każi riċenti li ġew pubbliċizzati ħafna? Qed nirriferi għall-każ tal-bini ta' garages mill-Garden of Eden u għall-każ tal-Maltacom, fejn ingħataw permessi kontra kull provvediment tal-pjan ta' struttura, kontra l-iskemi temporanji u barra z-zoni għall-iżvilupp, u dan b'inkonsistenza ma' deċiżjonijiet preċedenti ta' l-Awtorita', fil-każ tal-Garden of Eden f'dak ir-rigward stess, u fil-każ taż-żewġ każijiet flimkien meta tipparaguna dawk id-deċiżjonijiet ma' deċiżjonijiet simili li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tagħti għal applikanti oħrajn. Il-Viċi Prim Ministru qal li wieħed irid iħares lejn kif l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet appuntata mill-Prim Ministru preċedenti u mill-Prim Ministru attwali. Allura jħossux preokkupat bil-fatt li fil-każ tal-Garden of Eden id-deċiżjoni oriġinali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet bi tmien voti kontra tlieta kontra dak l-iżvilupp, imbagħad inqalbet għal sitt voti b'ħamsa favur dak l-iżvilupp? Huwiex każ fejn il-membri nominati mill-Gvern preżenti qed jaġġixu taħt pressjoni u b'mod kordinat flimkien biex jiddeċiedu l-każijiet, mhux skond ir-regoli tal-pjan ta' struttura u mhux skond l-iskemi għall-iżvilupp imma skond konsiderazzjonijiet oħrajn li jwaslu għal abbużi serji ħafna?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, ninsab konvint li l-kollega tan-naħa l-oħra qed ikejjel u jirraġuna bl-istess mod li kienu jkejlu u jirraġunaw meta hu s-sħabu kienu responsabbli għall-Planning Authority. Nista' ngħid ċar u tond li d-deċiżjonijiet tal-Planning Authority m'huma nfluwenzati minn ħadd minn din in-naħa, mhux kif kien isir qabel. Niskanta kif illum hawn ħafna li qed ixerrdu d-dmugħ tal-kukkudrili meta fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti kienu ttieħdu tant deċiżjonijiet li qajmu tant reżistenza. Issa f'daqqa waħda qegħdin inkunu puristi!
Nerġa' nsostni li l-Planning Authority hija awtonoma u jien ma nindaħlilha bl-ebda mod kif taġixxi. Il-membri qegħdin jisimgħu l-kritika li qed issir u jekk fl-awtonomija tagħha l-Planning Authority tħoss li trid tirreaġġixi, għandha d-dritt kollu li tireaġixxi. Nemmen ukoll li n-naħa l-oħra għandha dritt kollu li tagħmel il-kritika lli għandha tagħmel. S'hemmhekk nista' nasal u ma nistax nerfa' r-responsabilita' tad-deċiżjonijiet tal-bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. TONIO BORG: Madam Speaker, dan ifisser li l-viċi Prim Ministru jrid jipperswadina li hija kumbinazzjoni u koinċidenza pura li l-Planning Authority għal darbtejn tgħid "le" u ma toħroġx il-permess għall-bini ta' garages mill-Garden of Eden - liema bini diġa' nbena illegalment, bla permess u fi green area - imbagħad b'kumbinazzjoni malli l-Gvern ibiddel il-kompożizzjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar din id-darba jagħtuh il-permess? Dan huwa biss kumbinazzjoni? Jistax jassigurana li din il-bidla m'għandha x'taqsam xejn mal-fatt li l-garage tal-Garden of Eden tahom coach għall-użu tagħhom waqt il-kampanja elettorali?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nirrifjuta bl-iktar mod kategoriku l-allegazzjonijiet li qed jagħmel il-kollega tan-naħa l-oħra għax hemm politika konsistenti min-naħa l-oħra li jiżirgħu d-dubji u jkejlu l-affarijiet bil-kejl tagħhom. Dan niċħdu kategorikament u nista' nagħmel dikjarazzjoni mill-iktar formali hawnhekk li jien personalment ma kelli x'naqsam assolutament xejn f'dawn id-deċiżjonijiet. Jiena lest li nagħmel din id-dikjarazzjoni anke barra u jekk xi ħadd ikollu provi ta' dawn l-affarijiet, inkun lest li nirriżenja biex ikunu jaf kif tkun is-serjeta'.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Madam Speaker, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex lest li jerfa' r-responsabilita' politika, liema responsabilita' taqa' fuqu, tal-fatt li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvat permess fejn mhux biss dak l-iżvilupp kien diġa' sar iżda mar kontra l-liġi u kontra l-pjan ta' struttura?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nerġa' ngħid li nistenna li l-Planning Authority tirreaġġixi għal dawn l-akkużi li qegħdin isiru għax dan huwa dispett lejn il-membri kollha u lejn l-awtonomija tal-Planning Authority. Jiena nindaga biex nara kif saru l-affarijiet ħalli nkun ċert - lanqas biss kont hawnhekk meta saru - imbagħad nagħti r-reazzjonijiet tiegħi wara li nkun sirt naf aħjar l-affarijiet.
Nerġa' ntenni bl-iktar mod kategoriku li f'dan il-każ la ġejt ikkonsultat, la tkellimt u lanqas kelli x'naqsam xejn. Jiena mhux bħalkom, ma nagħmlix kif kontu tagħmlu intom!
MADAM SPEAKER: L-Onor. Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Meta l-Viċi Prim Ministru jagħmel l-indaġni li qed jgħid li se jagħmel, jista' jara b'mod partikolari jekk - u dan bħala fatt għax mhijiex kwestjoni li wieħed jitfa' dubji - il-membri ġodda nnominati mill-Gvern humiex qed jaġġixu b'mod kordinat, almenu fuq dan il-każ partikolari u anke fuq każijiet oħrajn, u allura jistax jibqa' jsostni li din hija purament koinċidenza li l-membri tal-Gvern jużaw flimkien il-vot tagħhom ma' rappreżentant min-naħa tal-Gvern fuq l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex vot li kien għal darbtejn kontra jsir favur? Qed nitkellmu fuq vot dwar bini li kien diġa' sar fi green area kontra l-policies kollha tal-pjan ta' struttura u kontra l-iskemi kollha ta' żvilupp u li kontra tiegħu kien hemm enforcement order. Iħossx il-Viċi Prim Ministru li dan huwa fl-obbligu tiegħu li jindagah serjament?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, infakkar lill-kollega tan-naħa l-oħra li l-vot li qed jitkellem fuqu ma kienx jikonsisti biss f'xi maġġoranza tal-membri li allegatament, skond hu, qed tinġibdilhom l-ispaga min-naħa tal-Gvern - dan diġa' ċħadtu u nerġa' niċħdu bl-iktar mod kategoriku - imma jaf li kien magħmul b'mod - l-figura ma niftakarhiex bl-amment - li kien hemm membri, li huma l-membri indipendenti, li vvotaw mal-membri l-oħra. Dan ma tistax tgħid liema membri vvotaw mod u liema vvotaw mod ieħor għax in-numru żgur li jmur oltre min-numru ta' nies li huma appuntati mill-Gvern tal-lum. Jiġifieri l-membri indipendenti vvotaw ukoll għal dik id-deċiżjoni.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Jesmond Mugliett, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JESMOND MUGLIETT: Madam Speaker, dan ma kienx l-uniku każ fejn inħareġ permess għal żvilupp barra mill-iskemi għax kien hemm ukoll dak tat-training centre tas-Swatar. (Interruzzjonijiet) Rigward Busietta Gardens kien hemm permess li ngħata fi żmien il-mibki Lorry Sant. Imma peress li għal darbtejn, fil-każ tat-training centre tas-Swatar u fil-każ tal-garages f'Ħal GĦaxaq, ingħata permess għall-bini f'zona agrikola, hemm xi ħsieb li tinbidel il-policy rigward żvilupp f'zoni barra mill-iskemi, jiġifieri f'zoni agrikoli?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, il-policies tal-Planning Authority qed jiġu riveduti u studjati l-ħin kollu skond l-okkażjonijiet. (Interruzzjonijiet) Meta ma tkunux qegħdin tonogħsu tindunaw!
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġobkom tinterrompux.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, hemm proverbju Malti li jgħid li dik li tiġri fit-toroq milli jkollha tagħtik! Ħaddieħor qed ikejjel kif kien jagħmel hu meta l-Planning Authority kienet invaża bin-nies tagħhom, jimponu fuq il-periti, jimponu fuq il-case officers u għadha sal-lum, bħalma qal il-Prim Ministru ġewwa GĦawdex. Dak il-kejl! (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, naħseb li minkejja r-retorika u l-għajat minn naħa u minn oħra, il-każ ta' bini ta' garages mill-Garden of Eden għandu jinkwieta lill-Viċi Prim Ministru. Il-fatt li preċedentement kien hemm żewġ refusals mill-Planning Authority u wara nqaleb kollox; il-fatt li l-iżvilupp huwa outside development area u li l-permess ingħata kontra dak li normalment tagħmel il-Planning Authority - għax meta xi ħadd ikun bena bla permess l-awtorita' l-ewwel tinsisti li jerġa' jitwaqqa' kollox u mbagħad tkompli tikkonsidra l-każ - u l-fatt li kien hawn dawn id-devjazjonijiet kollha mill-prattika normali, jaħsibx allura l-Ministru li dan huwa każ li għandu jiġi nvestigat bis-serjeta', possibbilment b'mod indipendenti? Jinkwetax il-Viċi Prim Ministru li l-policies mill-awtorita' stess jitbiddlu b'manjiera li, b'sempliċi vot, f'daqqa waħda wieħed jista' jmur totalment kontra l-prattika u l-policies? Jaqbilx il-Viċi Prim Ministru li għandu jkun hemm bord indipendenti li jinvestiga x'ġara, u jinvestiga allegazzjonijiet li saru f'din il-Kamra li seta kien hemm pressjoni? Kulħadd jaf ir-realta' u l-konnessjonijiet bejn l-applikant u l-Partit Laburista u naħseb li ħadd mhu qed jinnegahom. GĦalhekk huwiex il-każ li jkun hemm bord indipendenti li jitwaqqaf biex jinvestiga jekk kienx hemm irregolaritajiet, u jintrabatx il-Viċi Prim Ministru li jekk isir dan il-bord jew issir investigazzjoni, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' l-investigazzjoni?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, naqbel mija fil-mija ħalli l-allegazzjonijiet tan-naħa l-oħra jisplodu darba għal dejjem. Imma rridu nkunu irġiel li wara li ssir l-investigazzjoni dak kollu li ntqal u ġie allegat hawnhekk jittieħed lura. Iva, nilqa' l-istedina li nagħmel bord indipendenti ħalli jinvestiga l-każ kollu biex nuru kemm l-affarijiet qegħdin above board. M'iniex qed ngħid li naqbel jew ma naqbilx mad-deċiżjoni. Dan qatt ma kien kompitu tiegħi u qatt mhu se jkun kompitu tiegħi fil-Planning Authority, imma nirrespinġi bl-iktar mod kategoriku dak li ġie allegat min-naħa l-oħra. GĦalhekk naċċetta li jkun hemm bord indipendenti ħalli jinvestiga kif ittieħdu d-deċiżjonijet, kif saru l-votazzjonijiet u kif waslu għal dik id-deċiżjoni. M'għandi xejn x'naħbi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu għat-Tqegħid ta' Karti. Il-Prim Ministru.


Yüklə 0,56 Mb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin