Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 0,56 Mb.
səhifə4/8
tarix21.01.2019
ölçüsü0,56 Mb.
#101289
1   2   3   4   5   6   7   8

AĠĠORNAMENT



ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar l-Erbgħa 29 ta' April, 1998, fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Abbozz ta’ Liġi dwar Taxxa Speċjali fuq Banek Kummerċjali - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Kummerċ ta' l-Assigurazzjoni - Kumitat (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 4) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar is-Sigurta' fl-Ajruportijiet u fl-Avjazzjoni Ċivili - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Ħabs - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Protezzjoni Ċivili - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Forzi tal-Pulizija ta' Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (Emenda Nru 3) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi kontra l-Korruzzjoni - it-Tieni Qari (Kont);
Riżoluzzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropea - Kontinwazzjoni; u
xi aġenda oħra li tista' tiġi komunikata aktar tard.
-----------------------------------------
Abbozz ta' Liġi dwar Servizzi tat-Turiżmu għal Malta - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Tribunal għal Talbiet Żgħar - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta' Liġi dwar Brokers fl-Assigurazzjoni u Intermedjarji oħra - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Posta - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda Diversi Liġijiet dwar it-Telekomunikazzjoni - Kumitat Permanenti.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Madam Speaker, f'dan l-Aġġornament nixtieq nitkellem dwar il-festa ta' Jum il-Ħaddiem. Ċertament li għal ħafna nies dan huwa jum ta' festa u jfisser li dak il-jum mhux se jmorru għax-xogħol pero' jiena nħoss li l-ħsieb ta' Jum il-Ħaddiem għandu jmur oltre minn hekk. Huwa veru li din ilha festa pubblika mill-1956, meta ġiet dikjarata hekk minn Gvern Laburista, pero' jiena naħseb li m'għandniex inħarsu lejn dan il-jum bħala festa u daqshekk. Hemm bżonn naraw x'kienet il-pożizzjoni tal-ħaddiem fil-passat, kif inhi fil-preżent u kif tista' tkun fill-futur. Ovvjament id-drittijiet li għandhom il-ħaddiema llum nkisbu matul is-snin, ħafna drabi bis-saħħa tagħhom stess u anke bi ġlied vjolenti.
L-istorja ta' Jum il-Ħaddiem tmur lura għal iktar minn seklu, bejn wieħed u ieħor xi 140 sena, meta fi New York ammont ta' nies bdew jipprotestaw dwar il-kondizzjonijiet tagħhom u bdew iqajmu mistoqsijiet. Din il-ġlieda kompliet tikber ftit ftit imma ma kienx hemm l-improvement mixtieq mill-ħaddiema madwar id-dinja. M'hemm l-ebda dubju li f'pajjiżna l-Partit Laburista huwa l-partit ewlieni li jiċċelebra Jum il-Ħaddiem. Fil-fatt ilu mill-bidu tiegħu, jiġifieri mis-snin 20, jiċċelebra dan il-jum dedikat lill-ħaddiema. Imma mhux hekk biss. Il-Partit Laburista mhux biss iċċelebra Jum il-Ħaddiem bħala partit iżda tul id-diversi gvernijiet Laburisti għadda diversi liġijiet importanti. Wieħed jista' jsemmi, per eżempju, ir-Reconciliation and Arbitration Act ta' l-1948, li għadda l-ewwel Gvern Laburista. Kien Gvern Laburista wkoll li fl-1952 għadda l-liġi taċ-ĊERA, il-Conditions of Employment (Regulations) Act u wara tant snin il-Gvern Laburista preżenti qiegħed jara kif din il-liġi tista' tiġi updated għall-ġurnata tal-lum u huwa importanti li dan isir mill-iktar fis possibbli.
Aktar tard, Madam Speaker, mal-Kostituzzjoni ta' l-Indipendenza, jiġifieri fl-1964, iddaħħal il-konċett ta' union, li ġiet enforzata ferm u ferm iktar fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta' Malta, jiġifieri fl-1974. Il-Kostituzzjoni, l-ogħla liġi fil-pajjiż, mhux biss tagħti d-dritt li jkollna unions imma li l-ħaddiema jistgħu jifformaw parti minn union li jagħżlu huma stess. Liġi oħra importanti, li għal darba oħra kien Gvern Laburista li għaddiha, hija l-Industrial Relations Act ta' l-1976. Mela l-Partit Laburista mhux biss kien u għadu l-partit ewlieni li jiċċelebra Jum il-Ħaddiem iżda huwa wkoll dak li wettaq dawk it-tibdiliet meħtieġa permezz tal-liġijiet li għadda mill-Parlament.
Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li fl-1969, eżattament fit-12 ta' Marzu, il-Partit Nazzjonalista fil-gvern ippreżenta l-ewwel qari ta' abbozz ta' liġi li sfortunatament kien intenzjonat biex joħnoq ftit ftit il-unions, speċjalment il-General Workers Union, li minn dejjem kienet attiva sabiex tiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema. Fil-fatt kieku dan l-abbozz ta' liġi li ppropona l-Partit Nazzjonalista fl-1969 għadda mill-Parlament, dan kien joħnoq mhux ftit is-saħħa tal-unions u d-dritt tal-ħaddiema li jissieħbu fihom. Dan l-abbozz ta' liġi kien jiddeskrivi l-mexxejja tal-GWU ta' dak iż-żmien bħala anti-demokratiċi, anti-soċjali u ma nafx kemm-il aġġettiv ieħor ta' dan it-tip.
Dan l-abbozz ta' liġi kien se jipprojbixxi li jkun hemm strikes ta' simpatija minn ħaddiema li jkunu lesti li jiddefendu lil sħabhom ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u kien se jkun hemm ukoll restrizzjonijiet fuq strikes, fis-sens li ħaddiema li jkunu covered u li jkunu taħt collective agreement ma jkunux jistgħu jistrajkjaw. Dan l-abbozz kien jgħid ukoll li min ma kienx se jobdi kien jista' jeħel multa sa ¥1,000 - li fis-snin sittin ovvjament kienet somma konsiderevoli - u sa tliet xhur priġunerija. Dan qed ngħidu biex nikkonferma kemm dawk li llum qegħdin jipprovaw jidhru li huma d-difensuri tal-ħaddiema, proprju ftit tas-snin ilu ressqu liġi tal-mistħija li kienet intenzjonata li toħnoq u tirrestrinġi d-dritt tal-ħaddiem li jistrajkja u li t-tnaqqas l-importanza tal-unions. Bil-maqlub ta' dan Gvern Laburista dejjem ressaq il-liġijiet li jirrigwardaw lill-ħaddiema wara konsultazzjoni sħiħa mal-GWU. Fil-fatt, din il-union kellha sehem importanti f'dawn il-liġijiet, anke meta wieħed iqis l-għaqda statutorja li kien hemm bejn il-Partit Laburista u l-GWU li ntemmet ftit tas-snin ilu.
Kuntrarju għal dak li jiġri f'pajjiżna - għaliex kif għidt huwa l-Partit Laburista li jiċċelebra b'mod ewlieni l-festa ta' l-Ewwel ta' Mejju bħala partit - f'pajjiżi barranin insibu li huma l-unions li jiċċelebraw dan il-jum. Fil-fatt permezz tat-television naraw ammont ta' ħaddiema li jagħmlu manifestazzjonijiet u marċi pero' huma l-unions li jorganizzawhom. Dan qed ngħidu biex insaħħaħ iktar l-argument ta' kemm il-Partit Laburista sa mill-bidu nett kellu għal qalbu l-ħaddiem. Imma din m'hijiex storja tal-passat, Madam Speaker, iżda hija storja tal-preżent u l-Gvern Laburista, minkejja l-problemi li sab, qed jagħmel minn kollox sabiex jiddefendi u jħares l-interessi tal-ħaddiema. U ma jistax ikun mod ieħor għaliex l-uniku partit li verament u minn dejjem kellu għal qalbu l-ħaddiema kien il-Partit Laburista. Pero' f'pajjiżna qed ikollna theddid ġdid u għalhekk huwa importanti li l-festa ta' Jum il-Ħaddiem, festa li se niċċelebraw minn hawn u ftit tal-jiem oħra,

nagħtuha sinifikat differenti.


Illum ftit li xejn nisimgħu - mhux biss f'pajjiżna imma anke f'pajjiżi barranin - bi ġliediet, kif kien isir fil-passat, biex il-ħaddiem jikseb id-drittijiet tiegħu u allura ma jkunx hemm il-ħtieġa li l-1 ta' Mejju jiġi ċċelebrat għal dawn ir-raġunijiet, imma l-problemi li għandhom diversi ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom għadhom hemmhekk. U ċertament li ma nistgħux niċċelebraw biss u ma nirrimarkawx xi problemi jista' jiltaqa' magħhom il-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol. Jiena għalhekk qed ngħid li s-sinifikat ta' l-1 ta' Mejju għadu validu anke għal-lum u f'din il-ġurnata fejn nitkellmu mhux biss dwar id-drittijiet tal-ħaddiema imma anke d-dmirijiet tagħhom għaliex il-ħaddiem m'għandux biss iħares lejn dak li hu tiegħu imma anke lejn dak li jrid jagħti fuq il-post tax-xogħol.
Madam Speaker, il-problemi tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol kulħadd jaf bihom pero' forsi mhux kulħadd ikun jista' jagħmel l-almu tiegħu u bosta drabi mill-ewwel nippuntaw subgħajna lejn il-gvern. Ċertament li l-gvern - ikun min ikun fil-gvern - għandu d-dmirijiet u l-obbligi tiegħu, u l-ewwel u qabel kollox għandu l-obbligu li jħares id-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, kemm dawk li jaħdmu direttament miegħu u kemm dawk li jaħdmu fis-settur privat. Il-gvern għandu wkoll id-dmir li jassigura li anke min iħaddem josserva l-liġijiet. F'pajjiżna kemm-il darba smajna li għad hawn ħaddiema li jiġu mhedda li jekk jidħlu f'union la jingħataw żidiet u lanqas promozzjonijiet, u din hija xi ħaġa li tmur kontra l-Kostituzzjoni. Għandna ħaddiema oħrajn li jitħallsu inqas minn dak li suppost jieħdu, forsi għaliex ikunu qed jaħdmu b'mod illegali u allura japprofittaw ruħhom minnhom għaliex ikunu fil-bżonn tal-flus. Problema oħra li semmiha riċentement il-Prim Ministru hija l-problema ta' persuni barranin li jidħlu f'pajjiżna u jaħdmu b'mod illegali u dan b'detriment għal żgħażagħ Maltin li jixtiequ jaħdmu u b'hekk jkollhom diffikulta' biex isibu xogħol. Dawn huma l-isfidi ġodda flimkien ma' problem oħrajn li l-gvern u kull min verament għandu għal qalbu lill-ħaddiem irid jara kif jittekilja sabiex il-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikollhom aktar protezzjoni fuq il-post tax-xogħol. Huwa importanti għalhekk li Jum il-Ħaddiem tkun festa li tiġi mġedda u mhux festa tal-passat.
Jiena niddejjaq niċċelebra xi ħaġa jekk ma jkollhiex sinifikat. Aħjar ma niċċelebrawha xejn milli niċċelebraw xi ħaġa għaliex ta' qabilna kienu jagħmlu hekk u allura rridu nżommu t-tradizzjoni. Importanti wkoll li jiena bħala żagħżugħ u żgħażagħ oħrajn nifhmu li dak li għandna llum m'huwiex frott tal-bieraħ imma frott ta' ħafna snin. Dan huwa frott tat-tbatija ta' diversi nies li b'sagrifiċċju personali tul is-snin - semmejt fil-bidu li din hija mixja twila ta' 'l fuq minn 100 sena - ġġieldu għad-drittijiet tagħhom. GĦalhekk aħna ż-żgħażagħ għandna napprezzaw dan ix-xogħol li ħaddieħor għamel sabiex illum aħna qegħdin ingawdu dawn id-drittijiet li għandna.
GĦalhekk tajjeb, Madam Speaker, li nkomplu ntejbu dak li ħaddieħor għamel għalina ħalli nħallu d-dinja tax-xogħol aħjar milli sibnieha sabiex ma jkunx hemm aktar inġustizzji u b'hekk il-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikunu iktar komdi u jifhmu iktar l-importanza tax-xogħol fil-ħajja tal-bniedem mhux biss bħala mezz ta' qligħ tal-flus jew bħala tbatija imma bħala dik ix-xi ħaġa li tagħtih id-dinjita' li jixraqlu u tagħmlu bniedem sħiħ. Nirringrazzjak.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Maria Camilleri.
ONOR. MARIA CAMILLERI: Madam Speaker, sieħbi l-Onor. Carmelo Abela għadu kemm semma ż-żgħażagħ u r-responsabbilta' tagħhom mhux biss lejn il-ġejjieni imma wkoll lejn l-imgħoddi għaliex wieħed irid japprezza x'għamlu ta' qabilna biex iż-żgħażagħ tal-lum u anke aħna qegħdin ingawdu dak li batew għalih snin ilu ħaddiema oħrajn. Is-suġġett li ridt nitkellem fuqu llum wkoll jittratta ż-żgħażagħ.
Ħafna drabi, mingħajr ma rridu l-kelma "żgħażagħ" norbtuha maż-żgħożija. U forsi għaliex illum il-ġurnata l-ħajja qiegħda titlef mis-sustanza tagħha, li kultant iż-żgħożija norbtuha ma' ċerti affarijiet li filwaqt li għaż-żgħażagħ jidhru sbieħ għal ħaddieħor jidhru koroh. Qed nirriferi hawnhekk għall-bluha taż-żgħożija jew l-imġiba ta' ċerta kategorija ta' żgħażagħ meta dawn ikunu qegħdin fl-aħħar ġurnata tat-term tagħhom ta' l-iskola u biex jiċċelebraw, kif intqal, jaqbżu l-limiti u l-atteġġament tagħhom ma jkunx wieħed ta' min jinkoraġġih. Fil-fatt saret ħafna kritika dwar dak li ġara u ntqal li ma kien hemm ebda dinjita' fil-mod kif dawn iż-żgħażagħ ġabu ruħhom. Meta nħares lejn iż-żgħożija, jiena ngħid li kulħadd kien żagħżugħ. Huwa veru li jkun hemm żgħażagħ li jaraw li ma jaqbżux il-limitu pero' ħaddieħor forsi ma jkollux dak il-kontroll fuqu nnifsu. GĦalhekk huwa ħażin li meta nitkellmu dwar iż-żgħażagħ nitkellmu b'mod li nixħtu lil kulħadd f'basket wieħed.
Per eżempju, dan l-aħħar ġewwa l-Parlament u qabel ma ħriġna għall-vaganzi ta' l-Għid saret okkażjoni sabiħa ħafna. Qed nirriferi għall-aħħar sessjoni ta' attivita' li titwaqqaf ta' kull sena mill-NSTS, li hija marbuta max-xogħol li jitwettaq fil-Kunsill ta' l-Ewropa. Din hija mini assembly fejn gruppi ta' żgħażagħ minn skejjel differenti jieħdu sehem daqslikieku qegħdin jippartiċepaw fl-assemblea l-kbira tal-Kunsill ta' l-Ewropa ġewwa Strasbourg. U jiena kelli x-xorti, anke bħala membru ta' l-assemblea parlamentari, li nieħu sehem u nassisti għad-dibattiti li saru bejn dawn iż-żgħażagħ, li kienu qegħdin jirrappreżentaw pajjiżi differenti ta' l-Ewropa, fosthom it-Turkija, il-Polonja u Malta, imma mhux hekk biss.
Biex dawn iż-żgħażagħ ħadu sehem f'dibattitu li kien verament interessanti kellhom jagħmlu ħafna riċerka fuq il-pajjiż partikolari li kienu qegħdin jirrapreżentaw u meta ġew quddiem il-pubbliku, kellhom iqumu u jargumentaw daqslikieku qegħdin f'din l-assemblea parlamentari. Hawnhekk nixtieq ngħid prosit l-ewwelnett lill-organizzaturi, imma b'mod speċjali ngħid prosit liż-żgħażagħ kollha li kull sena jieħdu sehem f'din l-attivita' li issa, ilha għaddejja madwar disa' snin. Dawn iż-żgħażagħ urew li huma żagħżagħ li qegħdin iħarsu lejn il-ġejjieni u huma żgħażagħ li qegħdin jinvestu fil-qasam politiku u għada pitgħada, biex ngħid hekk, forsi anke jagħtu sehemhom fl-arena tal-politika Maltija.
F'din l-attivita' jkun hemm il-ġurija li xogħolhom huwa li jistudjaw liema huwa dak il-grupp ta' żgħażagħ li kien ipprepara ruħu, ippreżenta ruħu u anke esprima ruħu bl-aħjar mod fost il-gruppi kollha. Il-grupp li ħareġ rebbieħ fis-sezzjoni ta' din is-sena tal-mini assembly kien il-grupp li kien jirrappreżenta lit-Turkija, grupp ta' żgħażagħ li kienu ġejjin mill-kulleġġ li f'dan l-istess Parlament qala' tumakka, jiġifieri l-Junior College. Issa jiena għaliex qed ngħid hekk? Qed ngħid dan għaliex għalkemm huwa veru li jkun hemm xi żgħażagħ li ma jġibux ruħhom sewwa, hemm oħrajn li jpattu għalihom. GĦalhekk jiena ħadt l-opportunita' biex lil dan il-grupp ta' żgħażagħ li hadu sehem fil-mini assembly u li kienu ġejjin mill-Junior College ngħidilhom prosit. J'Alla dawn iż-żgħażagħ ikunu ta' eżempju għal żgħażagħ oħra.
Biex nagħlaq, Madam Speaker, nerġa' ngħid prosit liż-żgħażagħ kollha li pparteċipaw għaliex kollha kemm huma kien jimmeritahom li jirbħu u j'Alla jkollna aktar żgħażagħ li jagħtu kontribut xieraq lejn is-soċjeta' Maltija u lejn il-ġejjieni ta' Malta. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Anton Refalo.
ONOR. ANTON REFALO: Madam Speaker, il-bieraħ l-Għawdxin kellhom laqgħa oħra mal-Prim Ministru fil-laqgħat tiegħu ta' kull ġimgħa u kif jaf kulħadd qam barrage sħiħ kontra l-Planning Authority. Jien wieħed minn dawk li nemmen bis-sħiħ fil-Planning Authority, bħalma jemmen il-Partit Laburista. Din għamilha l-Partit Nazzjonalista u qiegħda hemmhekk biex insaħħuha u mhux biex inneħħuha pero' huwa tajjeb li l-ilmenti li jagħmel il-poplu nifluhom bis-serjeta'.
Qed ngħid dan, Madam Speaker, għaliex jiena naħseb li fil-gżira Għawdxija hemm lok biex il-Planning Authority taħdem u taħdem bis-serjeta'. Jiena kont wieħed minn ta' quddiem li għamilna sforz biex il-Planning Authority jkollha uffiċċji adegwati fil-gżira Għawdxija, għaliex sal-lum din l-awtorita' għadha topera minn kamra fil-public works department u dan huwa ħażin. GĦalhekk nispera li sa ftit ġimgħat oħra l-Planning Authority tibda topera min bini spazjuż, fejn illum hemm in-nutar tal-gvern u l-public registry, u b'hekk tiffranka li tonfoq l-eluf kbar ta' liri li kienet se tonfoq meta kienet għamlet il-pjan sabiex tixtri post.
Nixtieq nagħmel ukoll appell sabiex ir-reconsiderations tad-DCC jibdew isiru fil-gżira Għawdxija. Din hija xi ħaġa li wegħduni li se ssir u jkun pass importanti ferm għaliex b'hekk nagħmlu iktar enfasi fuq ir-reġjonalita' tal-gżira Għawdxija. GĦalhekk hemm bżonn li nneħħu l-iskużi tal-files li jridu jinġabu Għawdex. Wara kollox, l-appelli mid-deċiżjonijiet tal-Planning Authority diġa' bdew isiru fil-gżira Għawdxija. Nixtieq ukoll, Madam Speaker, li din l-awtorita' tkun iktar konxja mill-qalb soċjali ta' din il-gżira.
Jiena wieħed minn dawk li nemmen li m'huwiex sewwa li aħna nagħtu vent għall-opinjoni pubblika li jsir bini sfrenat. Jien ma rridx li Għawdex isir Paceville ieħor. Lil Għawdex irriduh ġawhra kif inhu u għalhekk hemm bżonn li l-Planning Authority tkompli tgħasses biex ma jsirx bini mhux ikkontrollat fil-gżira Għawdxija. Min-naħa l-oħra ttieħdu deċiżjonijiet fejn tal-Planning Authority għalqu workshops żgħar tas-self-employed, u din, fl-opinjoni tiegħi, kienet deċiżjoni ħażina u li qatgħet fil-qalb tal-kummerċ tal-gżira Għawdxija. Imma hemm ħafna każijiet oħra bħal dawn. Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Planning Authority dwar każ partikolari li ġara din il-ġimgħa.
Qed nirriferi għall-każ ta' Gatt Bros, li kellhom il-permess mingħand il-Planning Authority biex jużaw l-isplussivi fil-barriera imma f'daqqa waħda ġie uffiċjal minn Malta u qalilhom li fil-pjanta li kellhom kien hemm żball u tahom pjanta oħra li kienet differenti. Jiġifieri dan il-kuntrattur kien ħallas eluf ta' liri biex ikun jista' juża l-isplussivi u kellu miegħu madwar tletin persuna biex jagħmlu dan ix-xogħol u f'daqqa waħda sab lil tal-Planning Authority quddiemu u għamlulu stop notice. Dan m'huwiex ġust u jiena ngħid li jekk verament il-pjanta ġiet mibdula allura jmisshom ikkuntatjawh qabel ma għamel dawn l-ispejjeż u mhux ħallewh jagħmel il-preparamenti kollha meħtieġa u mbagħad ħabta u sabta jwaqqfuh. GĦalhekk il-Planning Authority għandha tagħraf li hija wkoll trid timxi fil-parametri tal-liġi.
Qabal nagħlaq, Madam Speaker, nerġa' ngħid li hemm bżonn li l-Planning Authority timxi b'aktar serjeta' fil-gżira GĦawdxija u hemm bżonn li tkun iktar konxja tal-qalb soċjali tal-poplu Għawdxi. Huma l-GĦawdxin stess li jafu x'inhuma l-probemi tagħhom u għalhekk jekk din l-awtorita' jkollha uffiċċju fil-gżira Għawdxija - minbarra li nagħmlu aktar enfasi fuq ir-reġjonalita' tagħha - aħna nkunu nistgħu ngħinu aktar biex dawn il-problemi nsolvuhom. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin.
Il-Kamra hija aġġornata għal nhar l-Erbgħa, 29 ta' April 1998 fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif kommunikata mill-Ministru Mizzi.
Fin-12.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 0,56 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin