THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CENSU GALEA:Sur President, jien naħseb li rridu nistabilixxu fuq liema rotot qed ikun hemm żieda ta' passiġġieri u fuq liema rotot qed ikun hemm tnaqqis, imbagħad minn hemm wieħed jipprova jindaga x'inhuma r-raġunijiet għal dan. Veru li sal-ġimgħa l-oħra stess smajna lil min jgħid li n-numru ta' commuters qed jonqos pero' jien konvint li hemm rotot fejn il-passiġġieri żdiedu b'mod sostanzjali.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, jien inħoss li r-risposta fiha nnifisha tindika li t-tibdil li jsir fuq ir-rotot huwa skond in-numru ta' nies li jużaw it-trasport pubbliku. Jiġifieri ma naħsibx li huwa possibbli li wieħed jagħti skedi fissi għaliex skond kif tgħid ir-risposta stess dawn ivarjaw skond il-bżonnijiet.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Sur President, ma jistax ikun li l-awtorita' dwar it-trasport pubbliku m'għandhiex f'idejha l-informazzjoni li turi ċerti trends, naturalment skond ir-rotta. Mhux fuq l-eċċezzjoni qed nitkellem, għax jekk għandek ġurnata bnazzi fix-xitwa, li m'hijiex in-normalita', żgur li se jkun hemm iktar traġitti min-naħa għal oħra. Ma jistax ikun li l-awtorita' m'għandhiex l-informazzjoni miġbura ta' matul is-sena kollha fuq ir-rotot differenti.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, m'għandix x'inżid mar-risposta li tajt.
13346. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' vacancies f'kategoriji differenti ta' uffiċjali li għandu l-ministeru tal-biedja u sajd? Meta hu mistenni li jimtlew dawn il-vacancies? Meta ħarġet l-aħħar sejħa biex jimtlew dawn il-vacancies?
ONOR. NOEL FARRUGIA (Ministru tal-Biedja u Sajd): Il-proċedura preżenti ma' tidentifikax jekk ikunx hemm postijiet vakanti fil-kategoriji/gradi differenti li hemm fil-ministeru tal-biedja u sajd.
Jekk tinħass il-ħtieġa ta' xi reklutaġġ issir talba lill-Cabinet Committee for Recruitment fejn it-talba tiġi kkonsidrata.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CENSU GALEA: Sur President, il-Ministru huwa f'pożizzjoni li jgħid kemm hemm sejħiet attwali għal posts differenti li hemm fil-ministeru, li safejn naf jien dehru wkoll fil-Gazzetta tal-Gvern?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Sur President, off-hand ma nistax ngħidlu imma jekk l-Onor. interpellant jagħmel il-mistoqsija bil-miktub inkun nista' ngħaddilu l-informazzjoni.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Sur President, filwaqt li nifhem li l-Ministru ma jkunx f'pożizzjoni li jkollu informazzjoni fuq id-diversi kategoriji differenti, nixtieq inkun naf jekk huwiex f'pożizzjoni li jindika jekk hemmx deċiżjoni li jkun hemm sejħa għal applikazzjonijiet għal diretturi u jekk fil-fatt hemmx tibdil fid-direttorati ta' dan il-ministeru. Jekk hemm jew jekk m'hemmx, jista' jgħid liema huma d-direttorati li fil-preżent huma vakanti?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Fir-rigward tad-direttorati hemm talba għal direttur ġenerali u direttur ta' l-afforestation u ta' l-urban and rural landscaping.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu issa għat-Tqegħid ta' Karti. Il-Ministru Bartolo.