THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. John Dalli.
ONOR. JOHN DALLI:Sur President, l-avvanz li sar fl-uffiċċju ta' l-awditur huwa pass li f'dan il-pajjiż ittieħed b'consensus. L-affarijiet kienu bdew jiċċaqalu fl-aħħar tal-leġislatura l-oħra meta l-Partit Nazzjonalista fil-gvern ippubblika abbozz ta' liġi sabiex l-uffiċċju ta' l-awditur isir uffiċċju awtonomu, responsabbli biss lejn il-Parlament. Kulħadd jaf li dak l-abbozz ta' liġi kien tfassal bi djalogu kontinwu ma' l-Oppożizzjoni Laburista ta' dak iż-żmien u l-istess abbozz ta' liġi ftit xhur wara reġa' tressaq mill-Gvern Laburista u naturalment sab l-appoġġ sħiħ ta' din in-naħa. Ma setax jonqos li l-Gvern isib l-appoġġ tagħna għax aħna nemmnu li altru li kien wasal iż-żmien li ma' l-iżviluppi strutturali kollha li konna qed nagħmlu - ma ninsewx li aħna għamilna ħafna żviluppi istituzzjonali fosthom, per eżempju, it-twaqqif tal-Public Accounts Committee u kumitati oħra tal-Kamra - kienet ħaġa wkoll meħtieġa li, bħalma sar f'pajjiżi oħra, l-uffiċċju ta' l-awditur jieħu ċerta statura u dan għamilnih bil-liġi li għaddejna.
B'din il-mozzjoni li qed tersaq illum, Sur President, qed inkomplu nsaħħu l-istaffing ta' l-uffiċċju ta' l-awditur għax barra l-Awditur Ġenerali issa qed ikollna wkoll id-deputat tiegħu, li huwa bżonjuż għal dawk iż-żmenijiet meta l-Awditur Ġenerali ma jkunx qiegħed jopera jew għax ikun imsiefer jew indispost u affarijiet oħra. Jiena ngħid li għadna 'l bogħod milli jkollna uffiċċju ta' awditur organizzat kif nixtiequh li jkun organizzat. Hemm ħafna limitazzjonijiet u mhux neċessarjament limitazzjonijiet finanzjarji imma anke limitazzjonijiet ta' human resources u ta' strutturi, li jeżistu anke fiċ-ċivil, u li ħafna drabi jimpedixxu l-iżvilupp mgħaġġel li għandu jkun hemm fl-uffiċċju ta' l-awditur.
Jien ukoll nawgura lis-Sur Bonnici, li ħadem f'ħafna oqsma taċ-ċivil, li jidħol għal din il-funzjoni ġdida b'moħħ ġdid, b'moħħ li jifhem li bil-funzjoni tiegħu jista' jgħin lid-dipartimenti kollha tal-gvern u entijiet oħra governattivi jaqdu l-funzjoni tagħhom b'effiċjenza akbar. Il-funzjoni ta' l-awditur mhijiex biss li jkun għassies fuq l-impjegati tal-gvern imma wkoll biex bl-expertise lijkun kapaċi jiġġenera jkun jista' jgħin bil-pariri tiegħu lil dipartimenti oħra tal-gvern. L-awgurju minn din in-naħa tal-Kamra huwa li, b'dan il-pass li qed nagħmlu llum, inkomplu mexjin biex insaħħu u naslu għall-oġġettivi li għamilna flimkien.