THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? L-Onor. Lino Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI:Sur President, jiena naħseb li fuq is-Sur Bonnici ma tantx hemm xi tgħid. Dan huwa bniedem magħruf u bniedem li jistħoqqlu dak kollu li ntqal fuqu. Anzi rrid ngħid li ma nafx għaliex l-appointment tiegħu bħala permanent secretary f'wieħed mill-ministeri ma ġiex imġedded. Madanakollu ma naħsibx li din hija xi Irish promotion. Naħseb li xorta waħda mar f'kariga li hija importanti ħafna u allura m'għandi l-ebda dubju x'se jkun l-għad tal-voti fuq din il-nomina maqbula miż-żewġ naħat.
Sur President, li qomt biex nistaqsi huwa dan: Issa li għandna f'postu l-Awditur Ġenerali kif ukoll id-Deputat Awditur Ġenerali, ittieħdu passi jew hemm ippjanati passi biex jibda jsir l-istaffing ta' dan id-dipartiment, li llum il-ġurnata l-funzjoni tiegħu hija waħda differenti milli kienet qabel? Hija kontinwazzjoni tal-funzjoni li kien hemm qabel imma hija waħda differenti. Għaliex? Għax waqt li qabel il-kariga ta' Direttur tal-Verifika kienet garantita mill-Kostituzzjoni, illum il-ġurnata bl-Att li għandna in vigore huwa d-dipartiment kollu li huwa maqlugħ 'il barra miċ-ċivil, biex ngħidu hekk, u waqt li huwa a closed department qiegħed a closed department fil-Parlament innifsu. Mela allura l-protezzjoni għalih hija ħafna aħjar milli kien hemm qabel u għalhekk il-mistennija hija ħafna ikbar. Tant hija ħafna ikbar il-mistennija li mingħajr ma mort niċċekkja l-estimi mill-memorja ngħid li niftakar li l-Ministru tal-Finanzi attwali alloka somma ikbar milli kien hemm qabel fl-estimi. Jidhirli li huwa prattikament l-uniku dipartiment, barra forsi xi oqsma fl-edukazzjoni, li għandu somma flus allokata għalih konsiderevolment ikbar milli kien hemm is-sena li għaddiet, minkejja l-miżuri li kellhom jittieħdu biex ikun hemm retrenchment fl-infiq.
Issa l-mistoqsija tiegħi hija din: Għandna Awditur Ġenerali u għandna Deputat Awditur Ġenerali, imma qegħdin fl-istadju li jiġi reklutat staff professjonali? Hemm pjanijiet li mhux biss qed jiġu mfassla imma qegħdin fl-istadju li ma jdumux ma jiġu mwettqa?