THE DEPUTY CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Sur President, jiena aware mill-fatt li taħt il-financial services tribunal, kif imwaqqaf fil-Banking Act, hemm appelli wkoll fuq punt ta' liġi pero' appelli fuq punt ta' liġi huma dawk li huma. Jiġifieri ma tistax għall-argument tmur b'appell u tgħid li l-applikazzjoni li għamilt tħoss li kellha tkun milqugħa anke abbażi tal-fatti ta' l-applikazzjoni. Inti trid tmur fuq argument li, per eżempju, il-liġi ma kenitx applikata tajjeb. Jiġifieri m'huwiex appell kif wieħed jifhem b'termini ta' tribunal għal servizzi finanzjarji għax kieku kien hekk l-iskop kollu tat-tribunal għal servizzi finanzjarji mwaqqaf b'artiklu 10 taħt il-Banking Act ma jkunx hemm l-iskop tiegħu. Jiġifieri l-iskop li mbagħad tagħmel appell addizjonali fuq punti ta' liġi biss ma naħsibx li jnaqqas mill-argument li qed nagħmel favur li inti tmur b'applikazzjoni f'dan is-sens għand il-MFSC u jekk ma taqbilx mad-deċiżjoni ta' dan iċ-ċentru, jekk tħossok aggravat, ikollok it-tribunal li jista' jirrevedi deċiżjoni. Mhux għaliex hemm żball ta' punt ta' liġi imma għaliex meta hu jagħmel assessment tad-deliberazzjoni taċ-ċentru - forsi anke għall-aspett ta' ekwita' - iħoss li dik l-applikazzjoni setgħet tkun milqugħa. B'hekk ikollok ukoll il-vantaġġ ta' l-eżami doppju favur l-applikant.
Issa l-Gvern jista' jargumenta u jgħid li dawn it-trasferimenti ma jridx jagħtihom il-vantaġġ ta' eżami doppju li normalment jagħti taħt l-applikazzjonijiet l-oħra kollha taħt din il-liġi. Jien onestament nerġa' ngħid li jekk il-Gvern jibqa' jinsisti fuq dan mhux sejrin ma naqblux mas-servizzi finanzjarji kollha fuq din il-klawsola partikolari, pero' fil-flessibbilta' li l-Ministru reġa' ndika li jrid jaċċetta ma kontx nifhem li dan hu punt ta' riġidita' għall-Gvern. Jiġifieri ma kontx nifhem li l-Gvern, speċjalment jekk f'diskussjoni maċ-ċentru jara li ċ-ċentru jista' jagħmel ukoll l-eżami ta' dawn it-trasferimenti, għandu għalfejn jinsisti li dawn imorru lit-tribunal. Naturalment il-pariri tekniċi fuq dan il-punt partikolari ma nafx minn fejn qed jirriżultaw, jekk hux miċ-ċentru stess jew minn xi ħadd ieħor.