ONOR. LEO BRINCAT: Ma nistgħux ma naqblux fuq affarijiet bħal dawn li jipproteġu d-drittijiet tal-konsumatur.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi klawsola 48. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 48 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta' Liġi. Klawsola 49 -Twaqqif ta' Fond għall-Protezzjoni u Kumpens. Clause 49 - Establishment of the Protection and Compensation Fund. THE CHAIRMAN: Rimarki? Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT:Sur President, din il-klawsola tipprovdi espressament għat-twaqqif ta' fond ta' protezzjoni u kumpens u tipprovdi għall-ħlas ta' kull talba dwar riskji sitwati f'Malta u rabtiet f'Malta, fejn Malta tkun il-pajjiż tar-rabta, kontra kumpannija awtorizzata li tmexxi l-kummerċ ta' l-assigurazzjoni f'Malta, li tibqa' ma titħallasx minħabba insolvibbilta' ta' dik il-kumpannija, skond dawk il-limitazzjonijiet, ristrizzjonijiet u anke esklużjonijiet li jistgħu jiġu preskritti, u sabiex mill-fond jitħallas kumpens lill-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku fit-toroq skond kif jiġi preskritt.
L-għan tat-Taqsima XI - Fond ta' Protezzjoni u Kumpens - hu li jitkompla l-fond ta' assigurazzjoni mwaqqaf taħt artiklu 26 - Fond ta' Assigurazzjoni - ta' l-Att ta' l-1981 dwar l-Impriżi ta' l-Assigurazzjoni u din il-klawsola hija mfassla fuq l-impożizzjonijiet ta' subartiklu (1) ta' l-imsemmi artiklu 26. Fil-fatt effettivament dak li qed jiġri huwa li qed isir extension ta' dak li kien hemm fil-liġi ta' l-1981 meta kien twaqqaf il-fond ta' l-assigurazzjoni.