ONOR. LEO BRINCAT: F'dan il-każ irid ikollok claim. Sal-lum, thank God, għad ma kellniex każi ta' insolvency.
ONOR. GEORGE HYZLER: Aħna qed nipprospettaw żewġ possibbiltajiet. Jista' jkollok każ ta' insolvency u allura l-kumpanniji li jibqgħu hawn Malta se jagħmlu tajjeb għal dik il-kumpannija li tkun falliet. Jiena nippretendi li f'dan il-każ għandu jkun hemm limitu għax fl-aħħar mill-aħħar the ultimate responsibility f'dawn il-każijiet hija ta' l-Istat u mhux tal-kumpanniji li nzertaw hawn Malta meta xi ħadd falla. Voldieri jekk hawn 20 kumpannija topera Malta u tfalli waħda rridu nġebbdu ħafna biex naċċertaw il-prinċipju li d-19 għandhom jagħmlu tajjeb għal dik li tkun falliet u mhux l-Istat jikkompensa liċ-ċittadini tiegħu talli b'kumbinazzjoni kien hawn kumpannija hawn Malta li falliet u li fl-aħħar mill-aħħar kienet regolata mill-awtoritajiet ta' l-Istat biex din ma tfalliex. Pero' ejjew naċċettaw il-prinċipju li huma wkoll għandhom jikkontribwixxu, imma possibbli ma nistgħux naħsbu f'limitu ta' kemm għandhom jikkontribwixxu? Dan il-provvediment qed jgħid li għandhom jiġu stabiliti limiti, imma jien qed nissuġġerixxi li dan kellna naħsbu għalih fil-liġi.
It-tieni possibbilta' li jista' jkollok hija dik tal-vittmi ta' l-inċidenti tat-traffiku. F'dan il-każ huwa faċli li wieħed jgħid li ma jafx kemm se jkunu l-claims u allura jgħid li ma jistax jgħid kemm għandhom jikkontribiwxxu. Allura wieħed forsi għandu jgħid - ma nafx l-assigurazzjonijiet x'jaħsbu fuqha din imma qed nipprova naħseb b'mod loġiku - li persentaġġ mill-prezz tal-policy għandu jmur fil-fund, indipendentement minn kemm se jkunu l-claims. Jekk se jkun hemm iż-żejjed tajjeb għax jibqgħu hemm u jiġu brought forward għal dak li jista' jinqala' fis-snin ta' wara u, jekk m'hemmx biżżejjed, sa ċertu limitu għandu jagħmel tajjeb għalihom l-Istat. Veru li l-prinċipju dak li aħna ngħidulu l-casus huwa responsabbilta' tal-vittma, imma aħna qed niżviluppaw soċjeta' li kemm jista' jkun tgħin ukoll lil min ikun l-iżvinturat. Issa għandek dak li jaħseb li jkun inxurjat hu stess u għandek dak li jippretendi li l-ieħor għandu jkun inxurjat. Jekk jien qed nimxu fit-triq nippretendi li dak li jsuq il-karozza jkun inxurjat u mhux neċessarjament inkun inxurjat jien talli nkun qed nimxi fit-triq għax il-karozza qed tikkrea iżjed riskju milli qed nikkrea jien. Pero' kollox għandu l-limitu tiegħu u l-insurance companies qegħdin fid-dinja tal-business, qegħdin hawn biex jagħmlu l-flus u għandhom ikunu jafu minn qabel x'inhuma x'inhu l-exposure tagħhom għal dan it-tip ta' kontribuzzjoni għall-ġid soċjali tal-pajjiż li jkunu qed joperaw fih. Aħna nafu li l-parti l-kbira tagħhom m'humiex Maltin, jiġfiieri l-kunxjenza soċjali tagħhom għandha l-limiti wkoll, u l-Istat naturalment għandu jilgħab il-parti tiegħu wkoll.