THE DEPUTY SPEAKER: Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Jekk m'hemmx iktar rimarki nistieden lill-Viċi Prim Ministru biex jgħaddi għall-winding-up. ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, għad-domanda li qed jagħmel il-kollega tiegħi l-Onor. Spiteri nirrispondi fl-affermattiv. Meta konna qed niddiskutu fil-Kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u tlabna lis-Sur Galea jispjega l-work programme tiegħu u anke jgħidilna kif kellu f'rasu li jwaqqaf id-dipartiment, l-Awditur Ġenerali ppreżenta l-ideat u l-oġġettivi tiegħu u x'irid jilħaq permezz ta' l-istaff li beħsiebu jirrekluta. Ovvjament dan kien kollu f'kontest ta' budget li aħna tkellimna fuqu u anke għamilna ħafna mistoqsijiet li għalihom kellna tweġibiet sodisfaċenti ħafna. Ġie anke diskuss is-set-up ta' dan l-uffiċċju li, kif qal korrettement il-kollega tiegħi issa, huwa fir-responsabbilta' ta' l-Awditur Ġenerali li jorganizzah, iħaddmu u anke jkun responsabbli għall-finanzjament tiegħu. Jien informat li l-proċess li jiġu recruited personnel qiegħed under way. Iddiskutejna s-salarji li se jiġu offruti lil min se jiġi mistieden biex japplika għal dawn il-postijiet u m'għandix dubju li s-Sur Galea qiegħed jieħu ħsieb li dawn il-karigi jimtlew. Grazzi.