ONOR. LEO BRINCAT: Il-punt tiegħek qed jiġi nnotat.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Hyzler.
ONOR. GEORGE HYZLER: Sur President, jiena nifhem li f'nuqqas ta' ftehim u fin-nuqqas ta' direttiva għandha tkun il-lingwa Ingliża li tipprevali, pero' li jinkwetani aktar mil-lingwa huwa li ħafna drabi l-poloz ta' l-assigurazzjoni, li fil-prattika naħseb kollha jkunu bil-lingwa Ingliża, ma jiftehmux għax ikunu miktubin b'Ingliż li m'huwiex daqshekk user-friendly, kif qal il-Ministru. Il-Ministru qal li l-poloz għandhom ikunu miktubin b'mod iktar user-friendly pero' dan l-artiklu ma jwassalx biex il-poloz jinkitbu b'lingwa li tkun user-friendly. Li għandna hu li jkunu miktubin bl-Ingliż imma b'daqshekk ma wasalna mkien. Jiena li naqra ħafna poloz ta' assigurazzjoni nista' ngħidlek li l-avukati ma jifhmuhomx, u meta l-avukati jkunu ħasbu li fehmuhom il-qrati joħorġu b'interpretazzjoni differenti, aħseb u ara povru assigurat. Voldieri li rrid nistaqsi huwa: Huwiex il-każ li se joħorġu direttivi wkoll anke dwar il-lingwaġġ li jintuża fil-policies biex nagħmluha iktar faċli għan-nies li jifhmu dak li qegħdin jiffirmaw għalih fuqu. Jiena naf li hemm assigurazzjonijiet li ħarġu revised policies b'lingwa li iktar tista' tiftiehem.
Ħaġa oħra li rrid nistaqsi hija jekk il-competent authority hijiex se tindaħal f'dawn l-affarijiet ukoll. Qed nagħmel dan il-kumment għaliex qegħdin f'atmosfera fejn qegħdin nipprovaw inkunu iżjed viċin tal-konsumatur biex dejjem ikun jaf aħjar x'qed jixtri jew għal xiex qed jiffirma. Illum insibu ħafna nies li ma jkollhomx l-iċken idea għal xiex huma assigurati. Imbagħad jgħidulek: Mhux dak qalli biex nagħmel hekk! Jiena mingħalija qiegħed assigurat kontra kollox! Sfortunatament hawn l-idea li l-ismall print hija xi ħaġa ħażina u li mhux suppost qiegħda hemm u hawn dan il-preġudizzju kollu kontra s-small print. Pero' jien naħseb li iktar mis-small print u mill-big print, hija l-lingwa li ħafna drabi ma tinftehimx. L-Ingliż li jintuża f'ħafna policies ma jinftehimx.