THE CHAIRMAN: L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Jien għandi żewġ kummenti fuq dan l-artiklu. L-ewwel kumment huwa b'mod ġenerali. Nerġa' ngħid li huwa tajjeb li nipprovdu fondi ta' dan it-tip pero' dejjem irridu nżommu quddiem għajnejna l-fatt li dawn ma jiġux b'xejn. Qed ngħid dan biex nenfasizza li dawn it-tip ta' fondi jiġu kkreati ħalli ġustament jipproteġu lil dawk li mhux tort tagħhom li jiġu f'pożizzjoni li għandhom claim u ma jitħallsux. Per eżempju, f'Malta għad għandna l-isfortuna li ssib xi bravu li jsuq karozza meta mhuwiex inxurjat. Anke jista' jkun każ ta' insurance company li tkun falliet u allura ma tkunx tista' tonora l-obbligi tagħha. Pero' l-kreazzjoni ta' dawn il-fondi b'mod ġenerali tfisser premiums ogħla għal kulħadd. Dan qed ngħidu sabiex wieħed jifhem li meta qegħdin nagħmlu dan it-tip ta' compensation fund, il-konsumatur stess ikun qed iħallas għalih. Dan mhux qed joħroġ bil-buona volonta' ta' xi ħadd imma jkunu added on bħala cost fuq il-premium li jħallas kulħadd.
Il-Ministru qal li dan il-compensation fund huwa extension ta' dak li jeżisti diġa'. Hekk għandu jkun pero' kif qed naqra l-liġi jien m'iniex qed naraha bħala estensjoni ta' dak eżistenti, imma l-liġi qed tgħid li qed jiġi stabilit dan il-fond u allura qisu hemm qtugħ bejn il-fond li diġa' jeżisti u dan il-fond l-ieħor li qegħdin noħolqu llum. Jien naħseb li hemm lok ta' emenda għal din il-klawsola biex nassiguraw li l-fond li diġa' jeżisti taħt il-liġi eżistenti jiġi carried forward għal din il-liġi.