ONOR. AUSTIN GATT: Jiftakarx u jikkonfermax jekk dak il-video itteħidx erbat ijiem wara meta l-Viċi Prim Ministru, li kien ukoll safa attakkat f'dawk l-inċidenti, kien mar jara l-Special Assignment Group li kienet reġgħet ġabet l-ordni fiż-Żejtun?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Ma nistax nikkonferma dak li qed jistaqsi l-Onor. Interpellant, biss li nista' nikkonferma huwa li, kienu x'kienu ċ-ċirkostanzi li fihom kien sar dak il-video, dak il-video qiegħed juri fatti li ġraw u qiegħed juri wkoll pożizzjoni fejn ministru inkarigat mill-pulizija qiegħed jipparteċipa f'xenarju mal-pulizija, li huwa assolutament mhux aċċettabbli f'demokrazija moderna jiġifieri, qiegħed jifraternizza b'mod illi qisu qiegħed jinstiga ċerta tip ta' aġir fost il-pulizija li m'humiex, nerġa' ngħid, aċċettabbli f'demokrazija moderna, kienu x'kienu l-ante-inċidenti għall-ġrajja li hemm f'dak il-video. (Onor. Membri: Hear, hear)