MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Se nagħmel żewġ mistoqsijiet f'waħda biex ma joqgħodx għaddej bihom bħalma għamel l-ewwel. Dak il-video x'għandu oġġezzjonabbli b'mod speċifiku ? Hawnhekk irrid infakkar ukoll lill-Prim Ministru - biex din jorbotha magħha wkoll - il-fatt li hu ppreżenta dak il-video fil-kontest ta' domanda parlamentari fejn kien ikkonferma illi kien tkanta l-innu tal-Partit Laburista fil-ballu tal-Milied tal-Pulizija. Allura hawn nistaqsi kif jikkompara dak id-daqq jew il-kant ta' l-innu ma' l-affarijiet oġġezzjonabbli li huwa qed jgħid li hemm f'dan il-video?