Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)


VOT XII - MINISTERU TAL-ĦARSIEN SOĊJALI



Yüklə 497,64 Kb.
səhifə33/96
tarix07.01.2022
ölçüsü497,64 Kb.
#86854
1   ...   29   30   31   32   33   34   35   36   ...   96
VOT XII - MINISTERU TAL-ĦARSIEN SOĊJALI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 726,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot XII - Ministeru tal-Ħarsien Soċjali, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1997.
THE CHAIRMAN: Rimarki? L-Onor. Giovanna Debono.
ONOR. GIOVANNA DEBONO: Sur President, inressaq din l-emenda:
VOT 45 - MINISTERU TAL-ĦARSIEN SOĊJALI
Personal Emoluments
Item 11 - Ministru
Ħassar iċ-ċifra "Lm 10,297" u ssostitwixxi minflok iċ-ċifra "Lm10,296”.
Delete the figure "Lm 10,297" and substitute therefor the figure "Lm 10,296”.
Mr Chairman, illum se niddiskutu l-voti li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ħarsien Soċjali, ministeru li fis-snin li għaddew, anzi fil-budgets kollha li saru taħt Amministrazzjoni Nazzjonalista, jiġifieri fl-aħħar disa' budgets li tressqu quddiem dan il-Parlament, kien ikun fih l-akbar numru ta' miżuri u kien ikun l-aktar Vot qawwi. Sfortunatament illum, fl-ewwel budget ta' Gvern Laburista, dan il-ministeru naqqas drastikament mill-importanza tiegħu u dan b'dispjaċir u b'diżappunt kbir għall-poplu Malti u Għawdxi. Bir-raġun li l-poplu jħossu ddisgustat bil-kontenut ta' dan il-budget, b'mod partikolari fejn jirrigwardja s-sigurta' soċjali, iżjed u iżjed, meta l-poplu jqabblu ma' dak li kien jgħid ftit xhur ilu l-Partit Laburista qabel l-elezzjoni. Mela lejliet l-elezzjoni l-Partit Laburista ma waqafx milli jimpressjona u jaljena lin-nies bid-diska ta' "Iċ-Ċittadin l-Ewwel" biex issa, l-għada ta' l-elezzjoni, il-Partit Laburista jippreżentalna budget fejn jiddedika biss żewġ paġni għall-miżuri soċjali. Żgur li ħadd ma kien jobsor li wara kampanja elettorali bħalma għamel, il-Gvern kien se jippreżenta budget li għandu l-premessi kollha li jwaqqaf ir-ritmu ta' l-għaqal, tar-responsabbilta' u tad-direzzjoni t-tajba f'dak li għandu x'jaqsam mal-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali. U hawn se ngħid għaliex.
Sakemm kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-gvern, f'kull budget kienu jitħabbru numru sostanzjali ta' miżuri f'dan il-qasam tal-politika soċjali li żgur kienu ta' benefiċċju kbir għall-poplu tagħna kollu kemm hu, mingħajr distinzjoni u diskriminazzjoni kif wkoll il-mira ewlenija li ħadd ma jibqa' lura. Dawn huma fatti u nista' nelenkahom għalkemm mhux possibbli li nsemmi kull miżura li ħa l-Partit Nazzjonalista fil-gvern għaliex il-lista tant hi twila li l-ħin li għandi ma jippermettilix nagħmel dan. Pero' jien se nipprova noħroġ paragun bejn il-qagħda ta' diversi kategoriji tal-poplu tagħna kif kienet fl-1987 u kif ħallejniha fl-1996; jiġifieri se nipprova nispjega x'ġara matul l-għaxar snin ta' Amministrazzjoni Nazzjonalista.
F'dik li hija għajnuna soċjali - jew kif hawn min jirriferi għaliha bħala r-relief - insibu li fl-1987 ġenitur li waħdu kien irabbi tifel jew tifla, jiġifieri single parent with one child, kien jirċievi Lm20.83ċ fil-ġimgħa, inkluż iċ-children's allowance u l-bonus. Illum single parent with one child - għaxar snin wara - jirċievi Lm39.51ċ fil-ġimgħa li tfisser żieda, Mr Chairman, ta' aktar minn Lm18 fil-ġimgħa. Familja bi tlett itfal li qegħdin fuq l-għajnuna soċjali - jiġifieri qegħdin fuq ir-relief - għaxar snin ilu kienet tieħu Lm29.78ċ, filwaqt li llum din tieħu Lm57.96ċ jew kważi Lm60 fil-ġimgħa, żieda ta' aktar minn Lm28 fil-ġimgħa - s'intendi dejjem qed ninkludi iċ-children's allowance, il-bonus u l-bonus addizjonali. Insemmi issa familja li mhux qiegħda fuq l-għajnuna soċjali iżda familja li qiegħda bil-paga minima u bi tliet itfal taħt is-16-il sena u nsibu li fejn il-paga minima fl-1987 kienet Lm29.88ċ llum din telgħet għal Lm42.38ċ; u jekk imbagħad niġu għaċ-children's allowance fuq tliet itfal fl-1987 din il-familja kienet tieħu Lm7.90ċ filwaqt li llum tieħu Lm16.60ċ. Mr Chairman, jiġifieri b'kollox, inkluż il-bonus u l-bonus addizjonali, familja bil-paga minima u bi tliet itfal taħt is-16-il sena fl-1987 kellha Lm40 u llum għandha Lm63.21ċ. Din hi żieda ta' aktar minn Lm23 fil-ġimgħa. Mr Chairman, dan kollu kien frott tal-miżuri li ħadna matul dawn l-aħħar disa' snin li tejbu sostanzjalment il-qagħda tal-familja.
Mr Chairman, issa nixtieq indur daqsxejn fuq il-pensjonijiet għaliex tajjeb li wieħed kultant ifakkar ftit x'gawdew il-pensjonanti matul il-perijodu li aħna konna fil-gvern. Koppja anzjana bil-pensjoni ta' l-eta', jiġifieri dik mhux kontributorja, fl-1987 kellha pensjoni ta' Lm22.80ċ u llum għandha Lm33.91ċ. Barra minn hekk bil-bonus, bil-bonus addizjonali u anke bl-għajnuna supplimentari li ntroduċejna, filwaqt li fl-1987 koppja anzjana bil-pensjoni mhux kontributorja kellha Lm25 illum din l-istess koppja għandha Lm39, żieda ta' kważi minn Lm14 fil-ġimgħa. Persuna anzjana li tgħix waħedha għaxar snin ilu kellha pensjoni ta' Lm16.73ċ., waqt li llum din għandha Lm30.15ċ, żieda ta' aktar minn Lm13 fil-ġimgħa. Imbagħad meta niġu għal koppja anzjana bil-pensjoni minima nazzjonali, fl-1987 din b'kollox kellha Lm25 fil-ġimgħa u llum għandha Lm41, żieda ta' Lm16 fil-ġimgħa. Għaxar snin ilu, pensjonant waħdu bil-pensjoni minima nazzjonali kellu Lm16.73ċ filwaqt li llum għandu Lm36.05ċ, jiġifieri żieda oħra ferm sostanzjali ta' aktar minn Lm19 fil-ġimgħa. Mr Chairman, jien niddejjaq insemmi ċ-ċifri, pero' llum ħassejt li ladarba dan il-budget kien xott wisq fejn tidħol is-sigurta' soċjali, nagħmel tajjeb allura li llejla, ta' l-inqas minn din in-naħa tal-Kamra, nsemmu ftit ċifri li kif diġa' smajna jitkellmu waħidhom. Dawn iċ-ċifri juru biċ-ċar min verament kellu għall-qalbu l-familja u l-anzjani tagħna. Mr Chairman, dan ma sarx biss fejn jidħlu benefiċċji u servizzi soċjali u pensjonijiet imma hemm ukoll aspetti oħrajn li għad insemmihom f'seduta oħra għax inkella ma nkunx qed inżomm strettament mal-vot li għandna quddiema llejla. L-istess koppja pensjonanta fejn ir-raġel għandu pensjoni tas-servizz u fejn id-dħul ma jaqbiżx it-Lm3,500, fl-1987 kellha

Lm27 u llum tieħu Lm49, żieda ta' Lm22 fil-ġimgħa.


Imbagħad xi ngħidu għan-nisa romol, Mr Chairman! Aħna ta' kull sena ħsibna fir-romol għax ilkoll suppost nifhmu li armla tenħtieġ attenzjoni partikolari, anke jekk nagħtuha biss support morali, imma f'dan l-ewwel budget ta' Gvern Laburista, li għalih suppost iċ-ċittadin jiġi l-ewwel, l-armla nsiha bħalma wara kollox kważi nesa lil kull kategorija oħra. Ara aħna mhux hekk għamilna. Aħna ntroduċejna diversi miżuri favur ir-romol u hawn se nsemmi xi wħud minnhom, Mr Chairman. Bil-miżuri li ħadna, nisa romol bdew jieħdu l-pensjoni sħiħa meta jagħlqu s-60 sena u mhux aktar imnaqqsa kif kien isir qabel. Ġiet introdotta l-pensjoni ta' l-armel raġel biex b'hekk ngħata għarfien konkret lill-kontribut li tagħti mara miżżewġa lill-familja, liema miżura tagħmel ħafna sens f'dawn iż-żmenijiet fejn ta' kuljum qed jiżdied in-numru ta' nisa jaħdmu. Il-pensjoni tan-nisa romol f'medda ta' għaxar snin żdiedet minn Lm13 għal Lm29 fil-ġimgħa filwaqt li dik kontributorja tul l-istess perijodu żdiedet minn Lm20 għal Lm31. Miżura oħra hija li fil-każ tan-nisa romol li jkunu għadhom qed irabbu t-tfal iż-żgħar u li ma jkunux qed jaħdmu, żdiditilhom l-allowance speċjali minn 85c għal Lm3 fil-ġimgħa għal kull wild, liema żieda tingħata minbarra ċ-children's allowance. Nisa romol bit-tfal taħt is-16-il sena ngħatalhom iċ-ċans li jaħdmu u fl-istess waqt jibqgħu jgawdu mill-pensjoni tar-romol. Fl-aħħar, biex ma ntawwalx, insemmi l-miżura fejn in-nisa romol li m'għandhomx tfal taħt is-16-il sena ngħatalhom id-dritt li jaħdmu u jaqilgħu sal-paga minima nazzjonali mingħajr ma jitilfu d-dritt għal-pensjoni tar-romol.
Mr Chairman, dan it-titjib kollu li semmejt, kif ukoll titjib ieħor li l-ħin ma jippermettilix insemmi, ma ġiex mix-xejn u ma waqax mis-sema bħall-manna. Wasalna fejn wasalna u kattarna dan il-ġid kollu għaliex fiż-żewġ amministrazzjonijiet preċedenti aħna ħaddanna politika soċjali li ġabet riforma sħiħa f'dan il-kamp. Aħna qbadna s-sistema kollha u poġġejniha fuq linji ġodda u jien nappella lill-Gvern preżenti biex jibqa' miexi fuq dawn il-linji jekk verament jemmen fiċ-ċittadin l-ewwel. Dan l-appell tiegħi qed nagħmlu bl-aktar mod sinċier u ġenwin. Jekk il-politika soċjali tal-Gvern tibqa' miexja fid-direzzjoni li hawn indikata f'dan l-ewwel budget, wisq nibża' li l-qasam tas-servizzi tas-sigurta' soċjali u ta' l-assistenza soċjali se jibqa' lura u per konsegwenza sejrin ibatu l-familji tagħna, speċjalment dawk l-aktar li huma fil-bżonn.
Kien għalhekk, Mr Chairman, li jien qgħadt noħroġ il-paragun bejn kif konna għaxar snin ilu u fejn wasalna llum biex proprju nġiegħel lill-Gvern jirrifletti fuq kemm konna mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Għaldaqstant nappellalu biex ma jabbandunax din id-direzzjoni għaliex m'hemmx l-iċken dubju, anzi hemm il-provi, li kienet il-waħda t-tajba, filwaqt li dik li ġiet ippreżentata f'dan il-budget tmur 'il bogħod ħafna minn din id-direzzjoni. F'dawn l-uniċi żewġ paġni dedikati għall-qasam soċjali, l-unika miżura ta' sigurta' soċjali li hemm hija dik għall-pensjonati tas-Servizzi Ingliżi. Biex inkunu għidna kollox, ma rridux ninsew li għalkemm fil-prinċipju ma hemm xejn ħażin - u nirrepeti, fil-prinċipju ma hemm xejn ħażin - li lil dawk li jirċievu l-pensjoni tas-Servizzi Ingliżi tagħtihom il-pensjoni sħiħa, pero' mbagħad ma tistax tiddiskrimina bejn kategorija u oħra. Hawn għal darb'oħra qed nerġgħu naraw kemm dan il-Gvern qabel l-elezzjoni tkellem mod u kif issa wara l-elezzjoni qiegħed jagħmel mod ieħor. Dan għaliex fil-programm elettorali tal-Partit laburista insibu li l-Malta Labour Party jemmen li m'għandux ikun hemm diskriminazzjoni, biex imbagħad, fl-unika miżura mħabra fis-sigurta' soċjali żgur li se jkun hemm min iħossu diskriminat.
Din tad-diskriminazzjoni bħalissa tfakkarni wkoll kif il-poplu GĦawdxi qed jiġi diskriminat bil-miżuri li l-Gvern Laburista ħa riċentement dwar in-nollijiet il-ġodda tal-Gozo Channel. Pero' jien nieqaf hawn fuq dan is-suġġett u nħalli l-ġudizzju għall-poplu GĦawdxi biex b'hekk ukoll ma noħroġx barra mis-suġġett li Kamra għandha quddiemha llejla.
Nixtieq insemmi wkoll li kien Gvern Nazzjonalista li wasal għal ftehim reċiproku dwar is-sigurta' soċjali ma' l-Awstralja u l-Kanada, kif wkoll għall-iffirmar tal-ftehim rivedut ma' l-Ingilterra. Minn dawn id-diversi ftehim gawdew u se jgawdu eluf ta' Maltin u GĦawdxin u x-xogħol li wassal għal dan il-ftehim ma kienx xi wieħed faċli, imma ladarba kien hemm ir-rieda, il-Gvern Nazzjonalista wasal. B'hekk dawk hutna Maltin u GĦawdxin li kienu emigraw lejn l-Awstralja, l-Kanada jew l-Ingilterra, għada pitgħada, meta jiġu għall-pensjoni, se jkunu f'qagħda aħjar u dan mertu tal-ftehim li sar minn Gvern Nazzjonalista.
Minn dak li semmejt joħroġ ċar kemm bil-miżuri kollha li ntroduċejna matul l-amministrazzjoni preċedenti mhux biss f'dan il-kamp, iżda f'kull qasam ieħor, aħna kien irnexxielna ngħollu l-livell ta' l-għixien minn sena għall-oħra. Iż-żieda li ngħatat issa żgur mhux se tkompli tgħoli l-livell ta' l-għixien, anzi l-livell se jitbaxxa għaliex il-Gvern se jieħu aktar milli jkun ta. Il-fatt li ma żdiedu ebda servizzi soċjali u fl-istess waqt ttieħdu miżuri fiskali, se jbaxxi l-livell ta' l-għixien. Il-miżuri fiskali li ħa l-Gvern iżjed se jaffettwaw liż-żgħir milli lil min għandu dħul għoli. Minn dan il-budget jidher li għall-Ministru tal-Finanzi, il-voti li jaqgħu taħt dan il-ministeru, li suppost jagħmlu tajjeb biex itaffu mil-piż taż-żgħir, kienu sekondarji u ġew imwarrba bl-iskuża tal-problema finanzjarja.
Mr Chairman, il-verita' hi li l-poplu wara għaxar snin ta' ġid illum sab ma' wiċċu arja tqila ta' pessimiżmu. Nittama li issa li l-Gvern straħ billi żvoga bl-attakk politiku u partiġjan li għamel, jibda jirraġuna u tabilħaqq ikompli jibni fuq it-tajjeb li sab. Fil-Ministeru tal-Ħarsien Soċjali żgur li sab abbundanza f'dak li hu tajjeb u għalhekk gvern verament responsabbli għandu jkompli miexi fuq il-passi li kien miexi bihom il-Gvern ta' qabel. Grazzi. Mr Chairman.

Yüklə 497,64 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   29   30   31   32   33   34   35   36   ...   96




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin