Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 497,64 Kb.
səhifə35/96
tarix07.01.2022
ölçüsü497,64 Kb.
#86854
1   ...   31   32   33   34   35   36   37   38   ...   96
THE CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Lawrence Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Grazzi, Sur President. Naħseb li huwa tajjeb li f'diskors tal-budget nistabbilixxu eżattament x'aħna nagħmlu lkoll hawnhekk illejla. Jiena naħseb li qegħdin fl-iktar mument importanti fil-ħajja ta' Parlament. Fl-opinjoni tiegħi, l-iktar mument importanti ta' ħajja parlamentari huwa l-mument meta l-Gvern jiġi biex jippreżenta l-budget għall-approvazzjoni tal-Parlament ħalli b'hekk ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-flus biex jamministra dan il-pajjiż. Naħseb li dan huwa importanti għal tlett raġunijiet ewlenin, fost raġunijet oħra; għaliex dan huwa proċess li fih il-Gvern irid jispjega l-viżjoni politika tiegħu, kemm dik immedjata kif ukoll dik fit-tul; għaliex id-deċiżjonijiet li qed nieħdu flimkien illejla, bħall kull ġurnata oħra li ddiskutejna s'issa u fadlilna niddiskutu fil-ġranet li ġejjin, jolqtu direttament il-ħajja ta' kuljum tagħna għax qed nivvotaw affarijiet li jolqtuna fil-liċenzji, fil-petrol, fis-sigarretti, fl-alkoħol, fil-benefiċċji soċjali u f'kollox; u anke għaliex gvern tal-ġurnata li jagħmel it-terminu kollu tal-leġislatura tiegħu għandu ħames budgets b'kollox x'jippreżenta. Dan il-budget huwa wieħed minn ħamsa u jirrappreżenta 20% ta' ħajja ta' gvern u għalhekk huwa mument importanti. Aħna qegħdin nitkellmu fuq xi ħaġa li tolqot parti sostanzjali mill-attivita' tal-Gvern. Ix-xogħol tal-membri parlamentari li jipparteċipaw f'dan id-dibattitu huwa li l-ewwelnett jiflu bir-reqqa l-viżjoni politika tal-Gvern u jeżaminaw kull vot li qed jiġi diskuss fil-qafas ta' politika nazzjonali biex imbagħad jaqbdu l-vot item item u jibdew jikkritikaw fid-dettall.
Hawnhekk irrid nagħmel premessa żgħira ħalli mbagħad ngħaddi mill-ewwel għaż-żewġ punti li xtaqt nagħmel u, cioe', il-qafas politiku tal-Gvern u mbagħad il-voti partikolari. Il-punt importanti li rrid nagħmel huwa li l-qasam tal-ħarsien soċjali, li jiena nippreferi nsejjaħlu l-politika soċjali - pero' l-mod kif tqassmu d-dikasteri minn dan il-Gvern jikkrea ċertu diffikulta' - fl-opinjoni tiegħi, huwa l-qalba ta' l-attivita' ta' kull gvern. Qegħdin nitkellmu fuq qasam li għandu importanza kbira għaliex qegħdin nitkellmu fuq affarijiet li jolqtu lil dawk li l-aktar għandhom bżonn u allura rridu nifhmu li l-lealta' tagħna lkoll tiġi l-ewwel u qabel kollox lejn din il-kategorija ta' nies. Jekk aħna nikkritikaw b'mod aħrax lill-Gvern, naħseb li l-Ministru tal-Ħarsien Soċjali jrid jifhem li aħna nkunu qed nagħmlulu pjaċir għax b'hekk aħna rridu nissodaw il-pożizzjoni tal-Ministru tal-Ħarsien Soċjali. Jiena beħsiebni nagħmel kritika qawwija lill-Gvern u dan se nagħmlu biex ipoġġi l-qasam tal-politika soċjali bħala ċ-ċentru ta' l-attivita' tiegħu.
Nibda billi nidħol fil-viżjoni politika li dan il-Gvern qiegħed jipprova jippreżenta lil dan il-pajjiż. Meta jiena nħares lejn din il-viżjoni politika u nara eżattament fejn jinkwadra l-qasam soċjali, ma nsib xejn. Jiena ninkwieta ferm meta għall-ewwel darba f'dawn l-aħħar disa' snin dan il-Parlament huwa ffaċċjat b'budget li huwa nieqes minn ruħ soċjali u ninkwieta serjament għaliex jiena dejjem fhimt li l-ħidma politika tagħna lkoll hija biex infittxu s-suċċessi ekonomiċi, biex l-industrija timxi 'l quddiem u biex il-makna tal-pajjiż timxi sew u tirrendi l-ġid. Aħna qegħdin nagħmlu dan kollu biex fl-aħħar mill-aħħar il-ġid jitgawda miċ-ċittadini tagħna. Jien dejjem fhimt li l-ħidma politika kollha tagħna ddur madwar il-garanzija li aħna nixtiequ li jkun hawn ħarsien soċjali xieraq fil-pajjiż. Peress li qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista kien dejjem jgħid "Iċ-Ċittadin l-Ewwel" ħsibt li l-ewwel Budget li kien se jiġi ppreżentat quddiem dan il-Parlament verament jaħseb fiċ-ċittadin l-ewwel. Jien assumejt illi fil-queue taċ-ċittadini, l-ewwel wieħed li se jibbenefika kien se jkun dak iċ-ċittadin illi l-iktar għandu bżonn. Hawnhekk ta' min jinnota fil-qosor ħafna illi l-Partit Nazzjonalista qatt ma uża l-frażi "Iċ-Ċittadin l-Ewwel" mhux għax għandu xi ħaġa kontra tagħha imma għaliex, fl-opinjoni tiegħu, m'hijiex kwestjoni jekk iċ-ċittadin jiġix l-ewwel, it-tieni, it-tielet jew ir-raba', jew jekk iċ-ċittadin jiġix wara, imma, fl-opinjoni tagħna, l-persuna umana la qiegħda l-ewwel u lanqas it-tieni iżda qiegħda fiċ-ċentru. Il-persuna umana hija l-fus ta' rota li madwaru jdur kollox. Aħna nistinkaw biex il-pajjiż jimxi 'l quddiem ekonomikament mhux biex iċ-ċittadin ikun l-ewwel imma biex igawdi l-bniedem. Din hija differenza kbira li minnha toħroġ l-ikbar daqqa ta' ħarta minn dan il-budget lejn il-qasam tal-ħarsien soċjali. Għaliex qed ngħid dan?
Jekk wieħed ifittex daqsxejn fid-diskors li ppreżenta l-ħabib tiegħi, l-Onor. Lino Spiteri, il-Ministru tal-Finanzi, isib sentenza - se naqraha testwalment - illi tgħid hekk:
"Jinftiehem mill-ewwel li l-ispazju għall-miżuri fil-qasam soċjali hu ristrett mill-qagħda finanzjarja."
Hawn jien nistaqsi: Allura "iċ-Ċittadin l-Ewwel" tfisser li issa qabel iċ-ċittadin ġiet il-qagħda finanzjarja? Dan il-Gvern donnu ma jafx kif se jsolvi din il-problema ħlief li jistieden liċ-ċittadin iħallas iktar taxxi. Xi ħadd jista' jgħidli li jekk il-pajjiż m'għandux finanzi bilfors iċ-ċittadin irid isofri l-ewwel u allura bilfors se jkollna ngħidulu li għall-għoli tal-ħajja se nżiduh Lm1.50 biss u li mbagħad se togħla l-posta u jogħla d-diesel. Fil-moħħ tal-Gvern, "Iċ-Ċittadin l-Ewwel" qed ifisser li huwa ċ-ċittadin li b'xi mod jew ieħor irid isolvi l-problema finanzjarja tal-Gvern. Meta nħares lejn id-disa' snin li għamel il-Partit Nazzjonalista fil-gvern ngħid: Imma l-Gvern Nazzjonalista ma kellux problemi finanzjarji? Mhux kulħadd ikollu problemi finanzjarji! Għall-problemi finanzjarji trid issib il-flus ħalli tamministra l-pajjiż għall-ġid għaċ-ċittadini. X'għamel il-Partit Nazzjonalista fil-gvern biex isib il-flus ħalli mbagħad ikun jista' jqassam lill-persuni li huma fil-bżonn? Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern kien ħoloq ambjent li fih il-qasam tax-xogħol kompla jikber, ħoloq ambjent ta' paċi industrijali, ħoloq ambjent li ta d-dinjita' lil pajjiżna fl-isfera internazzjonali biex jiġi attirat investiment barrani lejn pajjiżna, ħoloq attivita' kontinwa u fittex, bl-immaġinazzjoni u bil-kapaċita' kollha tiegħu, li l-ambjent ekonomiku ta' pajjiżna jikber biex minn hemm joħroġ il-ġid ħalli mbagħad il-persuna umana tkun tista' tgawdi minnhu.

Mis-sentenza li qal l-Onor. Spiteri f'dan il-budget, cioe' li "jinftiehem mill-ewwel li l-ispazju għal miżuri fil-qasam soċjali huwa ristrett mill-qagħda finanzjarja", donnu li dan il-Gvern qed jgħid: Ara, jiddispjaċini taf! Jien m'iniex kapaċi nagħmel bħalma kien jagħmel il-Partit Nazzjonalista fil-gvern li noħloq iktar xogħol, li noħloq ambjent ekonomiku tajjeb b'miżuri u b'inizjattivi kontinwi, u allura għalissa ħudu paċenzja intom, ċittadini l-ewwel fil-queue, li se jkollkom tħallsu għan-nuqqas ta' attivita' li ġab dan il-Gvern! Jiddispjaċik meta tara li dak kollu li akkwista l-Gvern Nazzjonalista tul id-disa' snin li għamel jamministra bil-mod il-mod jibda jitnaqqar.


Il-Gvern Nazzjonalista kien irnexxielu jasal f'sitwazzjoni fejn il-qasam tal-politika soċjali jibda jinbidel minn sitwazzjoni ta' welfare state - kif konna niddeskrivuh fil-fil-passat - li kienet tajba għaż-żminijiet tagħha, pero' li mbagħad bil-ġid li kien qed jiġi ġġenerat din bdiet tinbidel bil-mod il-mod għall-welfare society, soċjeta' li hi stess tagħraf li għandha responsabbilta' li b'solidarjeta' ma' xulxin tgħin lil dawk li għandhom l-iktar bżonn. Bħal nifs frisk, konna bdejna nisimgħu kliem bħal "is-suq għas-servizz tal-bniedem" u mhux iżjed "il-bniedem għas-servizz tas-suq" u "ekonomija għas-servizz tal-bniedem" u mhux vice-versa. Fiż-żmien il-Gvern Nazzjonalista allura ngħatat spinta lill-volontarjat - araw x'sar u ma sarx; m'iniex se noqgħod nidħol fid-dettall - biex il-volontarjat jiżviluppa mhux għax il-Gvern kien qed jiddobba servizz b'xejn mingħand il-volontarjat imma għax is-sens ta' solidarjeta', is-sens ta' soċjeta' li kollha kemm hi hija responsabbli biex tagħmel it-tajjeb fost min għandu bżonn, beda dieħel bil-mod il-mod. Jekk hemm min imerini fuq dan, jien nistaqsih jekk jistax jikkwotali budget wieħed mill-1987 sa l-aħħar budget li ppreżenta l-Gvern Nazzjonalista fl-1995, li ma daħħalx miżuri ġodda u ta' ċerta portata soċjali kbira! Isemmili budget wieħed minn dawn id-disa' budgets, li l-Gvern Nazzjonalista kellu l-unur jippreżenta tul dawn id-disa' snin, li fih ma ġewx imdaħħla miżuri kbar għal dan il-pajjiż, miżuri li għamlu ħafna ġid. (Interruzzjonijiet) Le skużi! L-aħħar wieħed ta' l-1995 kien wieħed mill-aqwa budgets li gvern qatt ippreżenta għax daħħal konċetti .... (Interruzzjonijiet) Issa jekk qed tgħidli li dan il-budget li għadkom kemm ippreżentajtu huwa budget tal-Gvern Nazzjonalista, allura ngħidlek li veru li d-dinja qed tinqaleb ta' taħt fuq! Issa pero' għandna Gvern li qed jgħidilna - u din, skużi, mhux il-Gvern Nazzjonalista qed jgħidha imma qed jgħidha l-Ministru tal-Finanzi tal-Gvern Laburista - li l-ispazju għall-miżuri fil-qasam soċjali hu ristrett mill-qagħda finanzjarja. Mur obsor! Twikkejna bi gvern li qed jgħidilna biex nieħdu paċenzja għaliex mhux kapaċi jsib sors ta' dħul li jkompli r-rata ta' żvilupp li pajjiżna kien qabad. Fi kliem ieħor, il-pilastru soċjali tagħna qiegħed jibda jitmermer għaliex dan il-Gvern mhux kapaċi jsib is-soluzzjonijiet. Qisna spiċċajna b'missier ta' familja li f'daqqa waħda ġie f'sitwazzjoni li jrid jara kif jagħmel u jħabbel rasu ħalli jara minn fejn iżid il-paga tiegħu imma li dan jaqta' qalbu milli jagħmel ftit overtime, jaqta' qalbu milli juża t-talenti tiegħu u allura mbagħad idur fuq uliedu u jgħidilhom ħudu paċenzja għax se jkollkom toqogħdu fuq id-dieta għax jien ma rridx immur naħdem iżjed u ma nafx x'se naqbad nagħmel bija nnifsi! Jekk dan huwa l-istil modern li se mmexxu bih allura għandna għalfejn ninkwetaw bi sħiħ għax għandna gvern li qiegħed jgħidilna li l-mod modern ta' kif tiggverna lil dan il-pajjiż huwa li tissagrifika l-qasam soċjali fuq l-altar politiku u ekonomiku.
L-Onor. Edwin Grech messitu x-xorti - jien ngħid sabiħa - li jkun il-Ministru tal-Ħarsien Soċjali, titlu li biex ngħid hekk iwerwrek minħabba r-responsabbilta' li tpoġġiet fuq spallejh għax huwa piż kbir li xi ħadd jgħidlek li int responsabbli li tħares il-qasam soċjali. Fil-fatt, meta toqgħod taħseb ftit tibda tgħid li dan il-piż huwa kbir, imma issa bħala ħabib nixtieq nistaqsi lill-Ministru jekk jaħsibx li bil-politika u bil-viżjoni li toħroġ minn dan il-budget huwiex f'pożizzjoni li jkun jista' tassew iħares il-qagħda soċjali f'pajjiżna. Fl-opinjoni personali tiegħi bbażata fuq il-figuri li hemm fl-Estimi, il-Ministru m'huwiex qiegħed f'din il-qagħda. Fil-fatt, naħseb li l-Ministru ġġieled kemm felaħ fil-Kabinett biex ikun f'pożizzjoni li tassew ikun jista' jħares il-qasam tal-politika soċjali. Jien għandi nassumi li dan iġġieled biex jagħtuh l-għodda ħalli jkun jista' jsaħħaħ il-qasam soċjali, pero' milli jidher din il-battalja ma rnexxielux jirbaħha u jien kulma qed nagħmel huwa li ngħinu biex darba oħra jkun f'pożizzjoni aħjar li jieħu dak li hu żgur xtaq li jieħu. Pero' jien nixtieq li sieħbi l-Ministru jifhem li fir-realta' lilu talbuh biex jgħasses kamra mimlija teżori imma mbagħad mhux biss ma tawhx tarka imma spiċċaw biex ħadulu wkoll il-korazza li l-Ministru ta' l-Amministrazzjoni Nazzjonalista kellu proprju biex iseddaq il-qasam soċjali. Fil-fatt, jien kważi kważi kelli t-tentazzjoni - din iktar se ngħidha b'ċajta - li minflok ma nressqu l-mozzjoni formali li titnaqqas lira fis-salarju tal-Ministru nagħmlu minuta silenzju għad-daqqa ta' ħarta li ħa l-qasam soċjali minħabba dan il-budget li ġie ppreżentat mill-Ministru Spiteri.
Sur President, issa qabel ma' nidħol fid-dettal fuq il-voti nnifishom li għandu l-Onor. Edwin Grech taħt ir-responsabbilta' tiegħu nixtieq nagħmel punt żgħir fis-sens li fid-dinja ma jeżistix kollox abjad u kollox iswed għax hemm it-tajjeb u hemm il-ħażin, hemm x'tikkritika u hemm xi tfaħħar ukoll, u għalhekk jien irrid inkun ġust u fair mal-Kamra, mal-Ministru u ma' sħabi kollha biex fejn hu tajjeb ngħid li hu tajjeb u fejn hu kritikabbli ngħid li hu kritikabbli. Fil-fatt nispera li l-Ministru jirreċiproka bl-istess stil, liema stil naħseb li għandu jkun komuni għal kulħadd f'din il-Kamra. L-ewwelnett x'hemm tajjeb f'dan il-budget? F'dan il-budget issemmew tliet miżuri soċjali speċifiċi li huma ndirizzati għall-qasam ta' persuni b'diżabilita' u ta' persuni bi bżonnijiet speċjali. Jien naħseb li dawn huma tajbin mhux bħala miżuri nfushom imma għax donnu li l-messaġġ li qed joħroġ minnhom huwa li wieħed jixtieq li jagħti l-attenzjoni tiegħu lejn dan il-qasam. Dan huwa tajjeb u jien nirrikonoxxih u ngħid li għandna nimxu 'l quddiem fuq dan il-messaġġ. Pero' issa rridu nidħlu daqsxejn fid-dettall f'kull waħda minn dawn il-miżuri li qed tiġi proposta minn dan il-Gvern.
Sur President, f'paġna 97 tad-Diskors tal-Budget jissemma l-accessibility unit.

Skond id-diskors użat mill-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi dan huwa unit - hawnhekk se nikkwota - li se jaħdem:


"... ħalli dipartimenti pubbliċi li jintużaw ħafna mill-pubbliku jsiru iżjed aċċessibbli għal persuni li għandhom problemi ta’ mobilita'."
Ovvjament, jien ma' dan ma għandi l-ebda diffikulta' ta' xejn, pero' xtaqt ngħid lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali u anke lill-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi - huma t-tnejn pproponew dan il-unit - li kont nieħu ħafna iżjed pjaċir li kieku d-deskrizzjoni u x-xogħol ta' dan l-accessibility unit ma kienx ikun biss li jirrendi postijiet li jintużaw ħafna mill-pubbliku aċċessibbli għal persuni b'diżabilita', imma wkoll li permezz ta' dan il-unit postijiet li llum m'humiex aċċessibbli nagħmluhom aċċessibbli wkoll biex inkunu nistgħu nħaddmu persuni b'diżabilita'. Per eżempju, lili jinkwetani l-fatt li persuna li għandha problemi ta' mobilita' ma tistax tidħol fil-bini tal-Posta u għalhekk nieħu pjaċir li ssir rampa ħalli persuni li jkunu f'wheelchair ikunu jistgħu jidħlu ġewwa. Pero' kemm nieħu pjaċir iżjed li persuna li qiegħda f'wheelchair tingħata l-opportunita' li tidħol taħdem skrivana mal-Posta. Jien nemmen li jkun iżjed utli li l-flus ivvotati għal dan l-accessibility unit nużawhom biex nirrendu l-postijiet tax-xogħol iżjed aċċessibbli għal dawn il-persuni, u biex inġib eżempju, ikun hemm skrivaniji li jkunu mfasslin apposta għal min qiegħed f'wheelchair! Kif diġa' għidt, kont nieħu pjaċir iżjed li kieku smajt dan it-tip ta' diskors. Jien ma għandix dubju li din hija l-intenzjoni, imma bil-mod kif tpoġġa d-diskors donnu li erġajna tfajna l-arloġġ lura għal ċertu ammont ta' żmien ilu fejn konna iżjed niffokaw biex nagħmlu r-rampi għal persuni b'diżabilita' milli biex noħolqu postijiet tax-xogħol iktar addattati għal dawn il-persuni.
Sur President, hawnhekk irrid nattira l-attenzjoni li l-Vot Kapitali għal dan il-unit huwa ta' Lm20,000 u jinstab f'paġna 269 ta' l-Estimi taħt Vot X, Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni. Forsi l-Ministru jkun jista' jikkonfermahielna din il-figura għax filwaqt li kif għidt diġa' din hija miżura pożittiva, b'Lm20,000 x'taħsbu li se nagħmlu? Lanqas biċċa lift f'Kastilja ma nagħmlu b'Lm20,000! GĦalhekk jien kont nistenna xi ftit iktar sustanza f'dan ir-rigward. For the record hawn irrid infakkar li fis-snin li għaddew il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ħadmet għall-aċċessibilita' mhux biss fuq l-issue tar-rampi, li huwa importanti wkoll li jsiru, imma anke nsistiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex din toħroġ regolamenti ġodda tal-bini - s'issa dawn għadhom ma ħarġux u ma nistax nifhem għaliex - li jorbtu li bini li jkun miftuħ għall-pubbliku jkun ippjantat mill-bidu nett bħala bini li jkun aċċessibbli għal persuni b'diżabilita'. Jien informat li din diġa' qed tiġi applikata bħala policy, pero' dawn ir-regolamenti s'issa għadhom ma ħarġux.
Hawnhekk jien irrid infakkar li meta kien għadda l-Pjan ta' Struttura f'dan il-Parlament, kienu ddaħħlu kwantita' ta' policies li bħala prinċipju kienu sforzaw l-aċċessibilita' fil-Pjan ta' Struttura fuq livell nazzjonali u tant hu hekk - din jien ngħidha bi pjaċir kbir - li waħda mill-policies li rnexxielna ndaħħlu fil-Pjan ta' Struttura kienet li t-trasport pubbliku fih innifsu għandu jkun aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita'. Fil-fatt dalgħodu jien kelli l-pjaċir immur għall-launching ta' l-ewwel coach li hija aċċessibli għal persuni b'diżabilita' li se tkun fis-servizz mal-flotta tal-karozzi tal-linja. Għaliex huwa importanti li l-karozzi tal-linja jkunu aċċessibbli għal persuni b'diżabilita'? Dan għaliex biex persuna b'diżabilita' jkollha opportunita' ikbar ta' xogħol irid ikollha mezz kif tmur u tiġi lura mix-xogħol u kien għalhekk li saret dik l-inizjattiva. Hawnhekk irrid ngħid ukoll li kienet inbdiet kampanja sħiħa mal-kunsilli lokali biex mill-fondi tagħhom dawn jaraw kif jagħmlu ħalli l-ambjent pubbliku tal-lokalitajiet tagħhom ikun aċċessibbli għal persuni b'diżabilita'.
Sur President, iċ-ċentru ta' l-adulti ssemma fil-budget bħala t-tieni inizjattiva indirizzata lejn il-qasam soċjali. Fil-fatt anke hawn jien nirrikonoxxi li hawn bżonn kbir li jkollna ċentru ieħor ta' matul il-jum għal persuni b'diżabilita' mentali. Bħalissa hemm waiting list ta' 80 ruħ biex jidħlu f'dan iċ-ċentru u sfortunatament aktar 'il quddiem dan in-numru bilfors li se jiżdied għax hawn qed nitkellmu fuq persuni b'diżabilita' mentali li malli jilħqu l-eta' ta' 20 jew 21 sena, u allura jispiċċaw mill-ispecial schools, f'daqqa waħda jmorru lura mal-ġenituri tagħhom għax ma jkollhom imkien fejn imorru peress li għandna biss tliet ċentri f'Malta u ċentru ieħor f'Għawdex u li kollha huma full up. GĦalhekk, kif għidt qabel, aħna għandna bżonn dan iċ-ċentru bħall-ħobż u fil-fatt nieħu pjaċir ħafna li l-Gvern mhux biss aċċetta li jkompli dak li nbeda matul l-Amministrazzjoni Nazzjonalista biex jinxtara dan iċ-ċentru fin-naħa t'isfel ta' Malta, imma saħansitra wasal biex isemmih speċifikament fid-diskors tal-budget. Dan huwa pass tajjeb u huwa commitment mill-iktar ċar li se nimxu f'direzzjoni.
Sur President, issa xtaqt xi ftit kjarifiki għaliex għalkemm f'paġna 313 ta' l-Estimi nsibu li hemm ivvotata s-somma ta' Lm200,000 għal dan il-proġett, għadni m'iniex ċert rigward il-finanzjament li hemm bżonn biex ladarba jinxtara dan il-post ikun jista' jitmexxa b'mod professjonali. Jien il-post nafu kif jafu wkoll il-Ministru Grech u fil-fatt il-potenzjal li għandu dan il-post huwa xi ħaġa inkredibbli u għalhekk, jekk wieħed jaħdem b'għaqal u b'ċertu ħsieb, jien ċert li dan jista' jkun mudell ta' kif għandu jkollna ċentru ta' matul il-jum għal persuni b'diżabilita'. Pero' kif għidt diġa' m'iniex ċert jekk il-Gvern ħasibx għall-vot rikorrenti u qed ngħid hekk għaliex jekk tħares lejn il-vot tas-salarji u pagi għaċ-ċentri ssib li minn Lm262,000 għas-sena li għaddiet, għal din is-sena dan żdied għal Lm311,000, jiġifieri żieda ta' Lm49,000. GĦalhekk hawn irrid nistaqsi: Din iż-żieda ta' Lm49,000 fil-vot rikorrenti tirrappreżenta xi żieda ta' staff li b'xi mod jew ieħor se jiġu allokati ma' dan iċ-ċentru jew tirrappreżenta xi ċaqliq ta' staff mill-ministeru għal maċ-ċentri? Dan m'huwiex ċar għaliex imbagħad meta tara l-vot tas-salarji tal-ministeru stess issib li dan il-vot kważi naqas bl-istess somma, jiġifieri naqas b'Lm50,000, u allura donnu l-vot iċċaqlaq minn taħt naħa għal taħt oħra. GĦalhekk jien qed nasal għall-konklużjoni li l-Estimi mhux qed ikopru l-ispiża rikorrenti li hemm bżonn biex dan iċ-ċentru jkun jista' jitmexxa u minħabba f'hekk xtaqt li jekk jogħġbu l-Ministru jagħtina spjegazzjoni dwar dan.
Sur President, it-tielet inizjattiva li fil-budget tissemma speċifikament bħala miżura soċjali hija allokazzjoni ġdida li l-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi jsejħilha "għad-djar residenzjali li jitmexxew b'mod filantropiku". Issa anke hawn, id-diskors tal-budget m'huwiex ċar ħafna għax, per eżempju, jien ma fhimtx jekk din l-allokazzjoni li qed isemmi l-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi hijiex intiża biex jiġu pprovduti servizzi residenzjali għal persuni b'diżabilita' mentali li, kif kulħadd jaf, hawn bżonn kbir għalihom. Sal-lum f'pajjiżna għandna biss żewġt idjar, Dar il-Wens u Dar Nazareth, li qed jipprovdu dan is-servizz flimkien mad-Dar tal-Providenza. Fil-fatt il-Gvern s'issa m'huwiex qed jipprovdi dan is-servizz u dan meta kulħadd jaf li għandna persuni b'diżabilita' mentali li għax ma għandhom imkien ieħor fejn imorru qed jispiċċaw ġo sptar psikjatriku, jiġifieri ġo l-Isptar Monte Carmeli. GĦalhekk hija r-responsabbilta' tas-soċjeta' tagħna li naraw kif nagħmlu biex għal dawn it-tip ta' każijiet nipprovdu s-servizzi li tant għandhom bżonn. Ministru, din hi prijorita'.
Issa hawn jien irrid nistaqsi: Dan il-Vot ta' Lm100,000 li qed isemmi l-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi u li jekk qed nifhem tajjeb issibu taħt il-Ministeru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja, għalxiex qiegħed. Din hija allokazzjoni għad-djar ta' l-anzjani jew hija allokazzjoni li se tintuża għal djar li fihom inkunu nistgħu nilqgħu persuni b'diżabilita' mentali li għandhom bżonnijiet li, fl-opinjoni tiegħi, jiġu ferm qabel dawk ta' nies oħra? Dawn huma bżonnijiet urġenti għax kif diġa' għidt hawn qed nitkellmu fuq persuni li bħalissa qegħdin alloġġati ġo sptar psikjatriku li żgur m'huwiex l-aħjar post fejn wieħed jista' jqegħdhom. (Interruzzjonijiet) Ministru, jekk tfittex id-diskorsi kollha li jien għamilt matul dawn l-aħħar tlieta u erba' snin issib li jien dejjem kont konsistenti, kienu x'kienu s-sitwazzjonijiet u kien min kien fil-gvern. Jien qed inkun konsistenti ħafna. (Interruzzjonijiet) Jekk qed nitkellmu fuq din l-aħħar kategorija jien bilfors ikolli nistaqsi jekk dan il-Vot huwiex indirizzat għad-djar ta' l-anzjani jew inkella hux se jibbenefikaw minnu persuni b'diżabilita' mentali. Jekk dan il-Vot se jibbenefikaw minnu persuni b'diżabilita' mentali jien xtaqt inkun naf x'se jkun il-kontribut tal-Ministeru tal-Ħarsien Soċjali għar-rigward ta' l-allokazzjoni ta' dawn il-Lm100,000.
Sur President, waħda mill-affarijiet li lili tirrabjani xi ftit huwa li meta nkunu qed nitkellmu fuq il-Ministeru tal-Ħarsien Soċjali ma nkunux nistgħu nitkellmu fuq il-familja u dan għaliex il-familja mhux qiegħda taħt dan il-ministeru imma taħt il-Ministeru tas-Saħħa. Fil-fatt meta nkunu qed nitkellmu fuq il-Ministeru tal-Ħarsien Soċjali lanqas fuq l-anzjani ma nkunu nistgħu nitkellmu għaliex l-anzjani ma jaqgħux taħt dan il-ministeru imma taħt il-Ministeru tas-Saħħa wkoll. GĦalhekk hija xi ħaġa inkredibbli li meta nkunu qed nitkellmu fuq il-ħarsien soċjali ma nkunux nistgħu nitkellmu fuq dawn l-oqsma wkoll u din hija xi ħaġa li jien ma nistax nifhimha. Fil-fatt, meta ftit taż-żmien ilu konna qed niddiskutu l-Estimi ta' l-ETC u staqsejt lill-Ministru Grech kif se ssir il-koordinazzjoni - dak iż-żmien aħna konna qed nitkellmu fuq koordinazzjoni bejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali u l-Ministeru responsabbli mix-Xogħol għaliex dawn it-tnejn jaħdmu id f'id u t-tnejn jimxu pass pass ma' xulxin minħabba li huma relatati ma' xulxin - l-Onor. Ministru kien weġibni li hemm kumitat inter-ministerjali. Jien kont għidt li għallinqas hemm xi ħaġa li tikkoordina. GĦalhekk, xi ħmistax ilu permezz ta' mistoqsija parlamentari numru 2261 staqsejt lill-Minstru: "Il-kumitat inter-ministerjali li semmejtli sitt ġimgħat ilu, kemm-il darba ltaqa', x'iddeċieda u x'inhuma l-pjanijiet tiegħu?" U l-Ministru fit-28 ta' Jannar, erbat ijiem ilu, weġibni: "Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra". Issa, bir-rispett kollu, m'huwiex diffiċli li tgħidli li dan il-kumitat inter-ministerjali ltaqa' darba u li kiteb ittra lid-dipartimenti fejn stedinhom jagħtu s-suġġerimenti tagħhom. Bir-rispett kollu! Jiena li jinkwetani m'huwiex il-punt politku imma l-koordinazzjoni li bilfors hemm bżonn biex jiġu evitati l-irdoppjar u l-ħela ta' riżorsi, li wieħed jirfes il-kallu ta' l-ieħor u kompikazzjonijiet inutli li bilfors iridu jiġu streamlined b'xi mod jew ieħor. F'amministrazzjoni moderna, f'management modern, hemm bżonn li xi ħadd jispjegali kif se nevitaw dan it-tip ta' dupplikazzjoni, dawn it-tip ta' grey areas u dawn is-sitwazzjonijiet mhux ċari li wieħed għandu jagħmel ħiltu kollha biex jevita.
Irrid ngħid żewġ kelmiet malajr malajr fuq il-miżura importanti ħafna - speċjalment jekk wieħed ipoġġiha fid-dawl tad-diskors pre-elettorali li konna nisimgħu - dwar l-għoli tal-ħajja. Nafu li f'dan il-budget ingħatat żieda ta' Lm1.50ċ b'effett mill-1 ta' Jannar u 25ċ b'effett mill-1 ta' April li ġej. Kemm smajna diskors qabel l-elezzjoni fuq l-għoli tal-ħajja u kif il-VAT kompliet iżżid ma' l-għoli tal-ħajja! Kemm intqal li l-Gvern imissu jikkontrolla l-għoli tal-ħajja! Imbagħad tara x'inhu jiġri llum u ssib li f'dan il-budget ma tissemma ebda miżura ta' kif wieħed jista' jikkontrolla l-għoli tal-ħajja. Issib li l-Gvern jispjega li kultant l-oġġett jogħla minn barra u li fuqu ma jkun jista' jagħmel xejn. Dawk l-ispjegazzjonijiet li kienu jingħataw mill-Gvern ta' qabel lill-partit li hemm fil-gvern illum u dan ta' l-aħħar tant kien jirribattihom issa qed jagħtihom hu stess. Dan il-Gvern mhux talli ma għamel l-ebda miżura biex jikkontrolla l-għoli tal-ħajja talli erbat ijiem ilu, wara li konna kważi mitna bl-istennija li nkunu nafu eżattament x'inhuma l-ħsebijiet tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam mal-liġi dwar il-VAT, ħareġ white paper li l-indikazzjoni immedjata tagħha donnha hija li se jkollha żieda fuq l-għoli tal-ħajja. Allura hawnhekk wieħed jista' jgħid li b'dawn il-Lm1.75ċ li ngħataw bħala żieda għall-għoli tal-ħajja, iċ-ċittadin li suppost jiġi l-ewwel b'xi mod jew ieħor se jirnexxilu jlaħħaq mal-problemi li diġa' qed jiffaċċja u li se jiġu kkawżati iktar 'il quddiem, iktar u iktar meta qed naraw li dan il-Gvern m'huwiex kapaċi jikkontrolla l-għoli tal-ħajja? Dan m'iniex qed ngħidu jien biss għax proprju l-bieraħ f'"il-mument" kien hemm intervista mas-Sur Jack Calamatta, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union fejn - u nikkwota preċiż mid-diskors tiegħu - qal:
"Iż-żieda li ngħatat la għamlet tajjeb għall-għoli tal-ħajja tas-sena l-oħra u lanqas għal li ġej 'il quddiem.".
Dan intqal mis-Sur Jack Calamatta, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU kif kkwotat fil-gazzetta "il-mument". Aħna niftakruh id-diskors tas-social wage, niftakruh id-diskors li suppost dan il-Gvern kien se jiggarantixxi li familja tingħata paga li tkun tista' tkampa biha mingħajr ma l-mara tmur taħdem. Jiġifieri issa b'din iż-żieda ta' Lm1.75ċ, il-mara tad-dar m'għandhiex għalfejn toqgħod tħabbel rasha fejn se tmur taħdem u m'għandhiex għalfejn tfittex opportunitajiet tax-xogħol? Issa l-mara tad-dar għandha moħħha mistrieħ li tista' toqgħod id-dar għaliex b'din iż-żieda miżera - li anke l-General Workers' Union stess qiegħda tgħid li lanqas hija biżżejjed biex tkopri ż-żidiet li kien hemm is-sena l-oħra aħseb u ara kemm hi biżżejjed biex tkopri dak li għadu ġej - il-Gvern taha dak li hu kien qed issejjaħ is-social wage?
Irrid ngħid ukoll żewġ kelmiet malajr - diġa' ssemma dan il-punt miż-żewġ kelliema ta' qabli l-Onor. Giovanna Debono u l-Onor. Joe Cassar u nifirħilhom - dwar il-punt li jirrigwardja l-pensjonijiet. Miżura li ssemmiet f'dan il-budget tirriferi għal dak li l-Gvern se jagħmel mill-1 ta' Ottubru ta' din is-sena, jiġifieri, u se nikkwota:
"... se nibdew l-ewwel fażi biex nies li, għax igawdu minn pensjoni tas-Servizzi Ingliżi, isirilhom tnaqqis mill-pensjoni dovuta lilhom skond il-Liġi dwar is-Sigurta' Soċjali ..."
Skond din il-miżura dawn in-nies se jibdew jieħdu din il-pensjoni sħiħa. Jidhirli li l-Ministru tal-Ħarsien Soċjali għandu jagħti spjegazzjonijiet ċari u dettaljati dwar din il-miżura għax jekk wieħed iħares lejn il-gazzetti u jara l-korrispondenza li qed tiġi ppubblikata, malajr jara li din diġa' qiegħda tqajjem kontroversja sħiħa fost il-kategoriji differenti tal-pensjonanti. Dan għaliex hemm min minnhom li kiteb fil-gazzetta u qiegħed jgħid li se jsofri diskriminazzjoni kbira għax hu jaqa' f'kategorija differenti minn dik milquta b'din il-miżura. Naturalment l-Oppożizzjoni trid tagħmilha ċara li hi mhux biss temmen imma kienet, għadha u tibqa' kommessa li telimina l-inġustizzji li nħolqu meta Gvern Laburista fl-1979 kien daħħal il-pensjoni taż-żewġ terzi, liema pensjoni kienet ta' żewġ terzi għal kulħadd bħala massimu. Dan l-impenn intwera bil-fatti, bil-miżuri kollha li kienu ttieħdu tul id-disa' snin li gverna l-Partit Nazzjonalista, miżuri li ħa biex mhux biss iż-żewġ terzi tal-pensjoni minflok il-massimu ssir il-minimu, imma biex jibda jnaqqas l-ispariġġ li kien inħoloq bejn kategoriji differenti ta' pensjonanti. Is-sens ta' ġustizzja soċjali rridu nżommuh bħala dawl li jiggwida f'kull miżura soċjali li aħna nieħdu. Jiena nistaqsi: F'din il-miżura l-Gvern ħa konsiderazzjoni tal-prinċipju ta' ġustizzja soċjali li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn kategoriji differenti ta' persuni? B'mod partikolari nistgħu nagħmlu dawn il-mistoqsijiet li ġejjin: Fiex tikkonsisti l-hekk imsejħa l-ewwel fażi ta' din il-miżura? Kemm huwa kkalkolat li se jibbenefikaw nies minn din il-miżura? GĦal din il-miżura, kemm hu l-ammont preċiż li qiegħed jiġi vvotat din is-sena jew aħjar għal perijodu kopert jiġifieri Ottubru sa Diċembru? X'inhu l-pjan ta' dan il-Gvern għall-kategoriji l-oħra ta' pensjonanti li jirċievu wkoll pensjoni tas-serivizzi imma mhux pensjoni tas-Servizzi Ingliżi? X'inhuma l-miżuri l-oħra li rrifera għalihom il-Ministru tal-Finanzi meta rrifera għal "miżura oħra diġa' mibdija biex ċerti pensjonijiet miżjudin gradatament ikomplu"? Kemm huwa l-vot li qed jiġi vvotat għal dawn il-miżuri l-oħra?

Yüklə 497,64 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   31   32   33   34   35   36   37   38   ...   96




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin