THE DEPUTY CHAIRMAN: Infakrek li baqagħlek żewġ minuti oħra.
ONOR. EDWIN GRECH: Hawnhekk irrid ngħid, għall-attenzzjoni ta' l-Onor. Gonzi, li fil-każ taċ-ċentru ta' Wied il-GĦajn kieku ma kontx jien dan kien se jintilef għax minn mindu sar il-konvenju kien baqa' ma sar assolutament xejn. Kien biss jumejn qabel ma kien se jagħlaq il-konvenju li jien ġejt informat b'dan biex imbagħad jien kelli niltaqa' malajr ma' l-owners ta' dan il-post u mhux biss irnexxieli nġedded il-konvenju talli rajt li ssir applikazzjoni lill-Planning Authority. F'dan ir-rigward għadni kif ġejt magħrraf li din l-applikazzjoni qed tiġi pproċessata u nispera li fi ftit ġimgħat oħra jkollna risposta pożittiva biex dak il-post nkunu jistgħu nokkupawh. Għalkemm irid isir ċertu ammont ta' xogħol fuq il-klassijiet, jibqa' l-fatt li dan huwa post tassew tajjeb għax minn barra li se jagħtina ċ-ċans li ndaħħlu lil dawk it-80 jew 85 persuna b'diżabilita' li għad ma kellhomx l-opportunita' li jidħlu f'wieħed miċ-ċentri, se jibqagħlna spazju ieħor li nistgħu nużawh bħala post residenzjali għal persuni b'diżabilita'. Grazzi, Mr Chairman.