2540. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk teżistix "policy" dwar it-tqegħid ta' mwejjed u siġġijiet ħdejn "mobile kiosks"? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din il-"policy"?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab infurmat illi tqegħid ta' mwejjed u siġġijiet ħdejn mobile kiosks ma humiex permissibli.
2542. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux bil-ħsieb li jibdel dawk ix-"char-a-bancs" li s-sidien tagħhom kienu diġa' ħallsu l-kapparra? Kemm "char-a-bancs" hemm il-ħsieb li jinbidlu matul is-sena 1997? Għaliex fil-"Capital Development Vote" fl-estimi tal-Ministeru minn ammont Lm1,300,000 (miljun u tlett mitt elf lira Maltin) approvati fl-estimi ta' l-1996 illum hemm biss Lm100,000 (mitt elf lira)?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: L-Onorevoli Nterpellant japprezza li issa li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku għandha Chairman u Membri ġodda, trid tingħata ħarsa ġdida lejn din il-materja. Ċertament li l-Bord il-ġdid se jagħti l-pariri siewja u meħtieġa biex il-Gvern ikun jista' jieħu deċiżjoni.
Infakkar lil-Onorevoli Nterpellant li fid-dokument dwar il-politika ġdida tal-partit fil-Gvern jingħad li "Kull investiment f'das-settur għandu jkun strettament marbut ma' titjib fil-livell ta' servizz li jissodisfa lill-konsumatur. Issir l-introduzzjoni ta' karozzi tal-linja ġodda, adatti b'kumditajiet għaċ-ċittadini kollha u mħaddmin b'serjeta' u effiċjenza li jħajru iżjed passiġġieri jużaw dan is-servizz".
Dwar dak li sar b'konnessjoni mal-bdil tal-karozzi m'oħrajn ġodda, jien infurmat li s'issa ġew ordnati biss ħames karozzi, li tlieta minnhom diġa' waslu Malta. L-ammont ta' Lm100,000 li qed jirreferi għalih l-Omorevoli Nterpellant u li kien ivvutat fl-Estimi għal din is-sena hu biex ikopri s-sussidju li jrid jingħata fuq il-ħames karozzi li ġew ordnati. Id-diskussjonijiet dwar dan is-sussidju għadhom għaddejjin.
IMPJIEGI - PERSUNI BI ĦTEĠIJIET SPEĊJALI
2543. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni bi ħteġijiet speċjali (R.D.P.) li qegħdin jaħdmu mad-dipartimenti tal-Gvern u jekk il-Gvern fil-politika tiegħu huwiex se jaħdem biex iħaddem miegħu persuni bi ħteġijiet speċjali?
ONOR. EDWIN GRECH: In-numru ta` persuni bi ħtiġijiet speċjali (R.D.P.) li qegħdin jaħdmu mad-dipartimenti tal-Gvern huwa ta` 836. Il-politika tal-gvern preżenti hi li jinkoraġġixxi kemm jista jkun l-impieg ta` persuni b`diżabilita`. Li wieħed jaqbad u jimpjega dawn il-persuni mal-gvern mhix l-aħjar soluzzjoni. Irridu niżguraw li l-`employers` kollha jerfgħu ir-responsabilita` soċjali tagħhom u li jagħtu opportunitajiet veri ta` mpieg lill-persuni b`diżabilita`.