MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Imma l-Prim Ministru meta rah l-aħħar il-video?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Nirrispondi li l-video rajtu meta kien utli għalija u meta kien xieraq għalija li narah. (Onor. Membri: Hear, hear)
MADAM SPEAKER: L-aħħar mistoqsija fuq din id-domanda mill-Onor. Austin Gatt .
ONOR. AUSTIN GATT:Apparti li d-domanda li għamiltlu ma rrispondihix, jikkonfermax il-Prim Ministru li parti sostanzjali tal-video huma l-eżerċizzji li jagħmlu l-SAG?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Nikkonferma li parti mill-video jikkonċerna ikla tal-pulizija, li forsi dak iż-żmien kienet aċċettabbli li wieħed jattendiha kif attendiha l-ministru, li waqtha bdew jiftaħru flimkien u jieħdu sehem flimkien bl-aktar mod ta' gang - mhux gangsters - bl-aktar mod ta' ... skwadriżmu - prosit dik hija l-kelma. Kien hemm eżempju ċar ta' ministru politiku, ta' ministru b'responsabbiltajiet politiċi f'soċjeta' demokratika, li qiegħed jassoċja ruħu - u anke jinkoraġġixxi - ma' ċerti sentimenti li m'humiex aċċettabbli li jintwerew minn uffiċjali tal-Pulizija.
Jiena nawgura li f'dan il-pajjiż meta nitkellmu dwar servizzi ta' sigurta' li għandhom x'jaqsmu mat-tmexxija tal-Ħabs Ċivili u li għandhom x'jaqsmu mal-Pulizija, issa jkollna sens veru modern ta' kif immexxu l-affarijiet. Il-ministru politiku responsabbli minnhom, waqt li jkun attent u jissorvelja li t-tmexxija ssir b'ċerta serjeta' u b'ċerta responsabbilta' m'għandux jidher li hu għandu xi ħaġa minn taħt, xi ħaġa minn ġewwa, li qiegħed tabilħaqq juri ruħu politikament u b'mod partiġjan responsabbli li jħeġġeġ ċerta attivita'. Jien nawgura liż-żewġ naħat tal-Kamra li fiż-żmien li ġej jimxu fuq dan.