THE DEPUTY CHAIRMAN (L-Onor Anġlu Farrugia): Grazzi. Il-Ministru Grech.
ONOR. EDWIN S GRECH: Mr Chairman, jiena smajt id-diskorsi li saru f'dawn l-aħħar siegħa u tliet kwarti u ngħid li l-Oppożizzjoni ma setgħetx kienet iktar fqira milli kienet f'dan id-dibattitu.
Nibda mill-Onor. Giovanna Debono li donnha nsiet li l-poplu fl-elezzjoni tas-26 ta' Ottubru għażel lill-Partit Laburista u qagħdet tagħmel ħafna paraguni. Donnha nsiet li fl-aħħar il-poplu qal: Aħna ma rridux nafdawkom iktar u se nbiddlu l-gvern. L-Onor. Cassar, bħal ħafna drabi oħra, kien barra mis-suġġett kważi l-ħin kollu ħlief fejn tkellem fuq ix-xogħol u fuq il-qgħad, li dwarhom se nirrispondih aktar 'il quddiem.
L-Onor. Gonzi għandu stil sabiħ, imma stil li tbiddel f'dawn l-aħħar tliet xhur, stil li ma konniex imdorrijin bih. Pero' l-Onor. Gonzi ħaseb li dak li ma sarx f'għaxar snin se nagħmluh aħna fi tliet xhur. Hu għamlilna appell u jien se nagħmillu ieħor: Kun fair magħna, agħtina ż-żmien għax dak li l-Partit Nazzjonalista m'għamilx f'għaxar snin aħna ma nistgħux nagħmluh fi tliet snin speċjalment bil-ħofor li ħallejtulna. Semma, per eżempju, il-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' u jien għandi ħafna xi ngħid fuq il-Kummissjoni. Lill-Onor. Gonzi ngħidlu li kien unfair ħafna magħha mhux illum imma fl-intervista li ta f'"Il-Mument" ta' ġimgħa ilu. Il-Kummissjoni aħna għennieha meta konna fl-Oppożizzjoni, qed ngħinuha issa u nwegħduha li se nkomplu ngħinuha fejn hija dgħajfa, u 'l quddiem se ngħidlek għaliex. L-Onor. Gonzi semma l-Adult Training Centres u donnu nesa li l-ATC's kien fetaħhom il-Gvern Labruista. Hemm erbgħa f'Malta - ta' Santa Venera, ta' Fleur-de-lys, ta' Ħal Far u ta' l-Imtarfa - u hemm ieħor f'Għawdex. Ta' Għawdex għadni ma rajtux imma l-bqija kollha rajthom. Kien il-Gvern Laburista li fetaħhom. L-ATC il-ġdid ġie trasferit għal Wied il-Għajn; issa ngħidlek 'il quddiem. Interruzzjonijiet) Imma l-Oppożizzjoni m'hijiex se tiżvijani u tipprova tbeżżagħni bl-urġenza. Jien se nieħu l-ħin tiegħi fuq dak li ppreparajt. Barra minn hekk, aħna se nagħmlu l-agenda tagħna u mhux l-aġenda tagħkom. Fil-Programm Elettorali tal-Partit Laburista, "Iċ-ċittadin l-ewwel", aħna wegħedna li Gvern Laburista ġdid jieħu passi minnufih biex jassigura li ċ-ċittadini tagħna jgħixu aħjar billi naraw li jsir titjib fil-ħarsien soċjali. Biex dan iseħħ aħna nemmnu li gvern serju jrid jagħmel ħiltu kollha biex jifrex is-servizzi u l-benefiċċji soċjali skond kemm tkun tiflaħ l-ekonomija. Hekk ukoll il-ħarsien soċjali jrid ikun imfassal skond iċ-ċirkostanzi u l-potenzjal tal-pajjiż. Irrid infakkar lill-Oppożizzjoni li kien il-Partit Laburista li welled is-solidarjeta' vera fost iċ-ċittadini Maltin u dan għamlu meta ħoloq il-welfare state. Meta l-Partit Laburista għamel dan kien jaf li l-welfare state m'huwiex xi konċett dwar sistemi ta' benefiċċji u sigurta' soċjali li m'għandhom l-ebda rabta mal-politika tal-qasam tax-xogħol, mal-politika ta' l-edukazzjoni, mal-politika tas-saħħa, tal-housing, jew ta' l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż. Far from this, Gvern Laburista jemmen li biex il-welfare state jissaħħaħ irid jissaħħaħ l-impenn tal-gvern biex jara li ma jkunx hemm tberbiq ta' flus tal-poplu. L-Onor. Gonzi beda jipprova jbeżżagħna għax dan huwa l-ewwel budget tagħna u li warajh baqgħalna erbgħa oħra. Skużi, imma għandek żball, għax fil-fatt baqgħalna ħamsa oħra wara dan! Aħna qed nagħmlu l-budget li ma kellkomx il-kapaċita' u d-diċenza li tagħmlu intom! Baqgħalna ħames budgets oħra. Jekk gvern ma jagħmilx hekk jaqa' fin-nassba kif ġralhom ta' qabilna li, riedu jew ma ridux, kellhom ifarfru minn fuq spallejhom u jgħaddu r-responsabbilta' u d-doveri tagħhom fuq dak li huma jsejħu "welfare society", sistema li jekk wieħed ma joqgħodx attent tista' tfisser il-privatizzazzjoni tal-benefiċċji soċjali b'vantaġġ għal dawk li jifilħu jħallsu l-aktar.
Filwaqt li aħna rridu li jkompli jingħata aktar spazju lill-għaqdiet volontarji u lill-aġenziji li wrew li l-attivita' tagħhom hija ta' fejda għaċ-ċittadini tagħna, irridu nsaħħu l-welfare state għax nemmnu li dan huwa l-aħjar mezz li jassigura s-solidarjeta' fost iċ-ċittadini tagħna. Din għandha tkun mifruxa b'mod universali ħalli jkun iktar faċli li tingħata għajnuna akbar fejn l-aktar li hemm il-ħtieġa.
Dan se jkun il-pedament li fuqu se tkun ibbażata l-politika soċjali ta' dan il-Gvern, politika ċara u impenjattiva li hi sostnuta minn rieda qawwija ħalli f'kull qasam naraw li jitwettqu miżuri li l-għan ewlieni tagħhom ikun li jixprunaw ir-ritmu ta' l-espansjoni ekonomika. B'hekk tkun garantita l-ispiża meħtieġa fl-oqsma soċjali, spiża li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar se tikber u dan mhux biss minħabba ż-żieda fin-numru ta' l-anzjani iżda wkoll - din se tkun il-mira tal-Gvern Laburista l-ġdid - biex naraw li l-livell ta' l-għajxien taċ-ċittadini tagħna kulma jmur ikompli jogħla f'termini reali. L-Onor. Gonzi qal li tajna Lm1.50 biss żieda għall-għoli tal-ħajja. Iż-żieda li tajna kienet għall-għoli tal-ħajja li kellna s'issa. Aħna se naraw li l-livell ta' l-għajxien ikompli jiżdied billi ż-żidiet li jingħataw il-benefiċċji u fil-pensjonijiet ma jitnaqqrux minn għoli tal-ħajja sfrenat. Ħafna drabi dan kien ikkaġunat mhux minn żidiet normali fil-prezzijiet, li wieħed jistenna f'kull ekonomija moderna bbażata fuq suq ħieles, iżda minn nuqqas ta' serjeta' f'makkinarju ta' kontrolli bażiċi li kompla aggrava ruħu b'nuqqas ta' serjeta' fl-infurzar ta' liġijiet fejn għandu x'jaqsam id-dħul u l-infiq tal-Gvern.
Din hi biss naħa waħda ta' l-istampa li sibna meta tlajna fil-gvern. In-naħa l-oħra ta' l-istampa hija aktar kerha. Il-proverbju Malti jgħid "Il-kelma tqanqal iżda l-eżempju jkaxkar". Fil-fatt l-Amministrazzjoni Nazzjonalista ġiet imkaxkra mit-tberbiq u mill-ħela ta' flus il-poplu li dwaru aħna konna ilna snin sħaħ inwissu.
Mr Chairman, dan li għadni kif għidt għidtu bi spirtu ta' ċittadin li hu konvint minn dak li sieħbi l-Ministru ta' l-Ekonomija u Finanzi qal fid-Diskors tal-Budget, dwar x'għandha tkun id-direzzjoni li - speċjalment fil-qasam tal-ħarsien soċjali - se twassalna biex iċ-ċittadin jiġi l-ewwel. Il-konċett "iċ-ċittadin l-ewwel" ma jfissirx li tingħata għajnuna lil min għandu l-aktar bżonn kif qal l-Onor. Gonzi fl-intervista li saritlu fil-gazzetta. Dan il-konċett huwa ferm aktar wiesa' minn hekk u jdur madwar il-ħtieġa li ċ-ċittadin jitpoġġa fuq quddiem nett meta jkunu se jittieħdu deċiżjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi. F'dan il-kontest, il-budget qed jieħu deċiżjonijiet mill-aktar kuraġġużi fl-interess taċ-ċittadin u hekk se jibqa' jagħmel il-partit fil-gvern. Ċertament li fil-qasam soċjali, li huwa qasam vitali fl-iżvilupp tas-soċjeta' tagħna - jiena naqbel ma' l-Onor. Gonzi fuq dan - dan il-budget qiegħed jagħti direzzjoni ċara tal-viżjoni, tal-politika u tal-miri tal-Gvern jiġifieri, dik li l-ħarsien soċjali jsir pass pass mal-potenzjal ta' żvilupp tal-pajjiż.
Issa ħalli ngħid xi ħaġa fuq in-nefqa tal-Gvern għas-servizzi soċjali li tammonta għal Lm152 miljun. Minkejja l-qagħda ekonomika, illejla qed inressaq quddiem din il-Kamra riżoluzzjonijiet fejn fuq benefiċċji soċjali biss qed jiġu vvotati 'l fuq minn Lm152 miljun, li tfisser żieda ta' aktar minn Lm15-il miljun fuq is-somma vvotata mill-Gvern Nazzjonalista s-sena l-oħra jew, biex inkun aktar eżatt, Lm12 miljun fuq kemm attwalment intnefaq. Din in-nefqa hija maħsuba biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fin-numru ta' benefiċċjarji u fir-rati tal-benefiċċji u pensjonijiet skond kif tipprovdi l-liġi, iż-żieda ta' Lm1.75 fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja, kif ukoll biex inkunu nistgħu nwettqu l-ewwel pass tal-miżura fejn wegħedna li dawk li jirċievu l-pensjoni tas-Servizzi Ingliżi ma jibqax ikollhom tnaqqis fil-pensjoni tas-sigurta' soċjali.
Sur President, l-Onor. Lawrence Gonzi għamilli lista ta' domandi f'dan ir-rigward u billi lanqas biss kellu ċans jispiċċa dak li ried jgħid, jien mhux se noqgħod nirrispondih, ngħidlu biss li dawk ir-risposti se nagħtuhom meta jkun il-waqt, tgħidu x'tgħidu lill-poplu u tiktbu kemm tiktbu. (Interruzzjonijiet) Għalhekk nerġa' ntenni dak li kkonfermaw qabli kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi fid-Diskors tal-Budget, li mill-1 ta' Ottubru ta' din is-sena se nibdew l-ewwel fażi biex dawk li jgawdu mill-pensjoni tas-Servizzi Ingliżi jibdew jieħdu l-pensjoni tas-sigurta' soċjali sħiħa. Din tidħol fil-qafas ta' dak li wegħedna fil-politika tagħna.
Mr Chairman, issa ħalli nispjega xi tfisser żieda ta' Lm12 miljun fil-ħlas tal-benefiċċji soċjali. Fil-kritika tiegħu għall-Budget, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni ftaħar li minn Lm66.5 miljun fl-1986 in-nefqa fuq benefiċċji soċjali żdiedet għal Lm140 miljun fl-1996, jiġifieri żieda ta' Lm73.3 miljun. Dan ifisser li fuq medda ta' għaxar snin il-Gvern Nazzjonalista żied in-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali b'medja ta' Lm7.3 miljun fis-sena. Tafu b'kemm qiegħed iżid n-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali l-Gvern Laburista fl-ewwel Budget li għamel? Qiegħed iżidha bi Lm12 miljun, jiġifieri f'sena waħda se nżidu dik in-nefqa b'aktar minn darba u nofs tal-medja li biha kienet tiżdied taħt Gvern Nazzjonalista f'dawn l-aħħar għaxar snin! F'sena waħda biss se nżidu n-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali b'aktar minn 16% aktar milli kienet tiżdied taħt in-Nazzjonalisti f'żewġ leġislaturi sħaħ! Dan qegħdin nagħmluh bħala l-ewwel pass lejn it-twettiq tal-wegħda li għamilna lill-poplu Malti u Għawdxi, dik li nipprovdu l-aqwa ħarsien soċjali possibbli biex ikun jista' jgħix b'mod diċenti.
Sur President, l-istorja tagħna turi li l-gvernijiet Laburisti minn dejjem kienu l-pijunieri fil-proċess ta' titjib f'dan il-qasam. Hekk kien ġara fl-1948, fl-1956 u fl-1979, u issa se nerġgħu nkunu aħna li nagħmlu l-ewwel pass lejn tibdil li żgur għandu jtejjeb il-qagħda tal-pensjonanti tagħna. Iżda jiżbalja min jaħseb li l-miżuri li se nagħmlu se jkunu indirizzati biss lejn xi kategorija waħda ta' benefiċċjarji. Ġaladarba aħna m'aħniex sodisfatti bil-mod kif jiġi mkejjel l-indiċi tal-prezzijiet, irridu niflu sew x'għandha tkun l-aħjar sistema li biha jiżdiedu l-pensjonijiet, sistema li tibqa' marbuta ma' l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż.
Issa ħalli nfisser in-nefqa li se nivvotaw aħna biex nibdew inwettqu dak li wegħedna. Hawnhekk nixtieq infakkar lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni u lill-Onor. Gonzi x'kienet iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern Nazzjonalista għall-benefiċċji soċjali fl-ewwel budget tiegħu ta' l-1987. Dik is-sena ż-żieda kienet ta' Lm4 miljun biss. Il-Gvern Laburista fl-ewwel budget tiegħu qiegħed jivvota żieda ta' Lm8 miljun iktar miż-żieda fin-nefqa tal-Gvern Nazzjonalista fl-ewwel budget tiegħu fl-1987. Issa hawnhekk ta' min igħid li l-iżbilanċ li kien wiret il-Gvern dak iż-żmien kien ta' Lm24 miljun biss. Mela kieku sabu d-diżastru u l-ħofor li ħallew huma bi żbilanċ ta' Lm112 miljun f'sena waħda, x'kienu jagħmlu?! Kieku naħseb li l-pensjonijiet kienu jnaqqsuhom u mhux iżiduhom, kif qed jagħmlu xi pajjiżi bħal Franza u l-Italja.
Dan l-aħħar kelli l-okkażjoni li niltaqa' ma' professur Ingliż li kien hawn Malta u flimkien iddiskutejna kif nistgħu nibdew innaqqsu dan id-deficit kbir li writna mingħand il-Gvern Nazzjonalista. Lili u lid-diretturi li jaqgħu taħti dan il-professur qalilna ċar u tond li d-deficit ta' 10% fil-prodott gross domestiku li ħalla warajh il-Gvern Nazzjonalista huwa xi ħaġa tal-biża', u li pajjiżi oħrajn kieku kienu jibdew inaqqsu dan id-deficit billi jnaqqsu n-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali. Fil-fatt dan qed narawh isir fil-pajjiżi kollha ta' l-Unjoni Ewropea. L-ewwel ħaġa li aħna kellna nagħmlu kienet li nissalvagwardaw is-servizzi soċjali li kien bena l-Partit Laburista meta kien fil-gvern. Pero' aħna mhux talli hekk għamilna hekk, talli se nżidu n-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali b'ammont li qatt qabel ma żdiedu taħt Gvern Nazzjonalista f'dawn l-aħħar għaxar snin. U dan meta, nerġa' ngħid, fl-1987 il-Gvern Nazzjonalista wiret deficit ta' Lm24 miljun biss. Issa minn fuq jiġi l-Onor. Lawrence Gonzi u f'intervista li ta lill-ġurnal "il-mument" kif fid-debate tal-lejla jgħid li dan il-budget ma fih l-ebda spirtu soċjali.
Issa ħalli naraw min daħak bil-poplu - kif qal il-Kap ta' l-Oppożizzjoni - fuq wegħdiet fil-qasam soċjali. Ejja naraw min verament m'għandux spirtu soċjali, jekk hux il-Gvern Laburista jew il-Gvern Nazzjonalista! Fil-programm elettorali ta' l-1987 il-Partit Nazzjonalista, fost ħwejjeġ oħrajn, kien għamel mill-inqas 13-il wegħda dwar miżuri fis-servizzi soċjali li baqgħu sa l-aħħar xahar ma ġewx indirizzati. Jien mhux se noqgħod naqrahom kollha, għax hawnhekk hawn xi żewġ faċċati u nofs, imma nixtieq li iktar tard inpoġġi din il-lista fuq il-Mejda tal-Kamra. Ħaġa li ma titmewwimx hi li l-ebda waħda minn dawk il-wegħdiet tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-benefiċċji soċjali twettqet matul iż-żewġ leġislaturi ta' Gvern Nazzjonalista. Imbagħad jiġu l-Kap ta' l-Oppożizzjoni u l-Onor. Gonzi u jgħidulna li aħna dħakna bil-poplu meta ilna biss tliet xhur fil-gvern. Fil-fatt, hemm ferm aktar fejn l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għandha għax tistħi għaliex s'issa qed nitkellem biss dwar fejn jidħlu l-pensjonanti. Fl-aħħar ta' l-1986 kien hemm 36,481 pensjonant li rċevew pensjoni kontributorja u dawn bejniethom kważi ħadu Lm33 miljun filwaqt li fl-aħħar ta' l-1996, jiġifieri għaxar snin wara, kien hemm 47,066 pensjonant li bejniethom ħadu kważi Lm83 miljun. GĦalhekk filwaqt li fl-1986 pensjonant kien jieħu Lm17.40 fil-ġimgħa, fl-1996 dan kien qed jieħu Lm33.91 fil-ġimgħa. Jekk tħares lejn iċ-ċifri b'dan il-mod toħroġ stampa sabiħa, kif ipprovaw jagħmlu l-Onor. Giovanna Debono u l-Kap ta' l-Oppożizzjoni, pero' din hija faċċata waħda biss ta' l-istampa li warajha qegħdin jinħbew ħafna ħofor, u se ngħid għaliex.
Sur President, biex isiru paraguni ġusti f'termini reali jeħtieġ li d-dħul ras għal ras li kien qiegħed jirċievi pensjonant fl-1986 inżiduh b'żewġ terzi taż-żidiet għall-għoli tal-ħajja li ngħataw minn dak iż-żmien 'il hawn kif effettivament sar. Fil-fatt mill-1987 sa l-1996 ingħataw Lm12.50 fil-ġimgħa f'żidiet fil-paga minima nazzjonali u żewġ terzi ta' dawn jiġu Lm8.33 fil-ġimgħa. B'hekk is-Lm17.40 fil-ġimgħa ta' l-1986 f'termini reali huma ekwivalenti għal Lm25.73 fil-ġimgħa. Issa jien għadni kif għidt li fl-aħħar ta' l-1996 kull pensjonant kien qiegħed jieħu Lm33.91, jiġifieri Lm8.18 aktar fil-ġimgħa minn dak li kien qiegħed jieħu f'terminu reali fl-1986. Dan xi jfisser, Mr Chairman? Dan ifisser li matul iż-żewġ leġislaturi ta' Gvern Nazzjonalista, li matulhom tant smajna ftaħir dwar miżuri li suppost kellhom itejbu l-qagħda tal-pensjonanti, jekk wieħed iqis it-Lm8.18 fil-ġimgħa aktar fid-dħul ta' kull pensjonant f'termini reali joħroġ ċar li ż-żieda f'miżuri addizzjonali kienet ta' ftit iktar minn 90 ċenteżmu fil-ġimgħa. Meta wieħed iqis li dawn id-90 ċenteżmu jinkludu fihom ukoll it-terz taż-żieda għall-għoli tal-ħajja li l-pensjonant ma jeħux malajr jifhem li kulma ta l-Gvern Nazzjonalista f'miżuri netti matul disa' snin u nofs għal titjib fil-pensjoni kien ftit iktar minn 44ċ fil-ġimgħa.
Sur President, issa nixtieq ngħaddi biex ngħid xi ħaġa fuq il-persuni b'diżabilita' li żgur li huwa suġġett qrib il-qalb ta' l-Onor. Gonzi. Jien niftakar - u ma rridx nagħtiha ħafna importanza - li meta kien qed jitkellem l-Onor. Fenech Adami bi tweġiba għall-Budget Speech f'daqqa waħda qal: "Il-poplu ma kienx qed jistenna dan fil-qasam soċjali," jiġifieri l-Accessibility Unit, u qisu nesa li ħdejh kellu lill-Onor. Gonzi, allura malajr ġibidha lura u qal li din kienet miżura kbira u tajba ħafna. Imma l-Kap ta' l-Oppożizzjoni mhux l-ewwel darba - anzi issa drajnieh - li jgħid xi ħaġa u jikkontradixxi ruħu fis-sekonda ta' wara. Imma kont skantat aktar bil-kritika inġusta u partiġġjana li għamel l-Onor. Gonzi, speċjalment fil-kritika li għamel fl-intervista li ta f'"Il-Mument", fejn jidħlu l-persuni b'diżabilita' u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Fl-opinjoni tiegħi, din il-kritika setgħet għamlet ħsara lill-istess Kummissjoni li sa ftit tax-xhur ilu l-Onor. Gonzi kien il-president tagħha. L-Onor. Gonzi għamel ħafna akkużi li ma kienu veru xejn, anzi jien ngħid li jew kienu żbaljati jew kienu ġideb. Jien niskanta kif l-Onor. Gonzi seta' jgħid dawn l-affarijiet meta kien tant qrib din il-Kummissjoni. Waqt li jien se nwieġeb għal diversi punti ta' kritika li għamel l-Onor. Gonzi, aktar tard bil-permess tal-Kamra se npoġġi fuq il-Mejda żewġ dokumenti; wieħed maħruġ mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' u l-ieħor mid-Direttur tal-Finanzi u Amministrazzjoni tal-Ministeru tiegħi. Dawn id-dokumenti juru biċ-ċar li dak li l-Onor. Gonzi qal fl-intervista li ta ma kien veru xejn. Illum l-Onor. Gonzi ma tkellimx bl-istess mod; probabbilment mar iqerr u lanqas ried jaħfirlu taż-żewġ gidbiet li qal. U se ngħid x'kienu dawn iż-żewġ gidbiet.
Dostları ilə paylaş: |