Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 497,64 Kb.
səhifə41/96
tarix07.01.2022
ölçüsü497,64 Kb.
#86854
1   ...   37   38   39   40   41   42   43   44   ...   96
THE DEPUTY CHAIRMAN: Point of order, l-Onor. Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Billi l-Ministru qed jgħid li ma jridx ikun unfair nitolbu jagħti ċ-ċifra tal-qgħad għal Jannar li għadda.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Kompli, Onor. Grech.
ONOR. EDWIN GRECH: Ma naħsibx li hawnhekk għandi iċ-ċifra ta' Jannar li għadda għaliex ma kontx ippreparat għal hekk. Imma ħalli nkompli ngħidlu. Il-gainfully employed huma maqsumin f'erba' kategoriji: is-settur privat tal-produzzjoni diretta; is-settur privat tas-servizzi; is-settur pubbliku u l-impiegi temporanji. Għall-paragun jien qsamt il-figuri hekk: l-ewwel għamilt analiżi ta' seba' snin, jiġifieri minn Diċemrbu ta' l-1987 sa Diċembru ta' l-1994; imbagħad ħadt is-sena 1994/1995 għaliha waħedha, minħabba li dik is-sena kienet is-sena li fiha ddaħħlet il-VAT; u fl-aħħar ħadt parti mill-1995 sa Settembru 1996. Per eżempju, jekk inħarsu lejn is-settur privat tas-servizzi nsibu li fl-1987 kien hemm 30,819 impieg waqt li fl-1994 din il-figura telgħet għal 40,733, jiġifieri kien hemm żieda ta' 9,914. Din tfisser medja ta' 1,416 impieg kull sena. Jekk inħarsu lejn is-sena tal-VAT, l-1994/1995, naraw li f'Diċembru 1994 kien hemm 40,733 impieg waqt li f'Diċembru ta' l-1995 kien hemm 46,582, żieda ta' 5,849 impieg. Hemmhekk iż-żieda annwali kienet waħda straordinarja, żieda ta' 'il fuq minn 4,433 impieg fuq il-medja. Meta nħarsu lejn il-figuri ta' l-aħħar sena, bejn l-1995 u Settembru 1996, insibu li kien hemm żieda ta' 876 impieg biss li għal sena sħiħa tagħti medja ta' 1,168 impieg. Matul is-sena tal-VAT, 1994/95, inkixfu numru kbir ta' impiegi li qabel ma kenux reġistrati u jien naħseb li din kienet ir-raġuni għal żieda daqshekk straordinarja għax fil-fatt din la kienet dehret fis-snin ta' qabel u lanqas fis-sena ta' wara. Allura ż-żieda reali fl-istatistika ma kinetx ta' 16,639, għaliex minn din trid tnaqqas 4,433, u allura tiġi b'żieda reali ta' fuq it-12,000 impieg.
Fis-settur privat tal-produzzjoni nsibu l-istess ħaġa. F'dawk is-seba' snin ta' bejn l-1987 u l-1994 kien hemm żieda medja annwali ta' 262 impieg filwaqt li fis-sena tal-VAT kien hemm żieda straordinarja ta' 1,520, biex imbagħad fis-sena ta' wara - għax għalkemm qegħdin nikkonsidraw disa' xhur biss minnha xorta tista' toħroġ iż-żieda medja annwali għaliha - iż-żieda medja more or less, kienet l-istess bħal tas-seba' snin ta' qabel, jiġifieri ta' 169. Dan juri kemm kienet esaġerata ċ-ċifra fis-sena tal-VAT. Skond l-istatistika, fl-għaxar snin ta' Gvern Nazzjonalista kien hemm żieda ta' 3,744 impieg, bejn l-1987 u l-1994 kien hemm żieda medja annwali ta' 262 impieg, filwaqt li fl-1994/95, minħabba l-VAT kien hemm żieda ta' 1,782. Allura għalkemm f'dan is-settur l-istatistika turi żieda ta' 3,744, fil-verita' minnhom trid tnaqqas 1,520 li tagħti żieda reali ta' 2,224 impieg.
Meta nħarsu lejn is-settur pubbliku naraw li fejn fl-1987 kien hemm 46,190 impjegat, fl-1994 kien hemm 51,043, jiġifieri żieda ta' 4,853 impieg fuq seba' snin. Meta nieħdu s-sena tal-VAT jidher li kien hemm tnaqqis ta' 1,968 fin-numru ta' impiegi filwaqt li fl-aħħar sena sa Settembru 1996 kien hemm żieda ta' 379 biss. It-tnaqqis li jidher fl-1995 kien dovut għall-fatt li ċerti kumpanniji u entitajiet, bħall-Bank of Valletta, il-Lombard Bank u l-Planning Authority, kienu ġew riklassifikati bħala azjendi privati u allura dawn dehru li tnaqsu mis-settur pubbliku. Barra minn hekk, kien hemm azjendi pubbliċi oħra, bħall-Malta Stock Exchange, il-METCO, l-MSU u Zammit Clapp Hospital, li fil-preżent qed jitqiesu bħala privati - għandi nifhem jiena, għax ġejt informat - li se jerġgħu jiġu riklassifikati mas-settur pubbliku meta tiġi ppublikata l-istatistika uffiċjali ta' Diċembru. Mela jekk toqgħod attent għall-Istatistika uffiċjali se ssib li hemm differenza f'dan ir-rigward.

Yüklə 497,64 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   37   38   39   40   41   42   43   44   ...   96




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin