ONOR. GEORGE VELLA: Il-Kumitat ta' l-Uffiċċjali Għolja nkarigati mill-"Political and Security Partnership" għandu quddiemu u qed jeżamina żewġ dokumenti ntitolati "Draft of the Action Plan for the Development of the Political/Security Chapter of the Barcelona Process" u "Draft Charter for Peace and Stability in the Euro Mediterranean Region".
Fid-diskussjoni ta' dawn iż-żewġ dokumenti id-delegazzjoni Maltija, flimkien ma dawk tal-pajjiżi membri tal-Proċess, tikkontribwixxi b'mod sostanzjali fid-diskussjonijiet, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub. Ma jidhirlix illi f'dan l-istadju, meta d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, għandi npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi dokumenti.