2489. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li postijiet ta' sidien privati fl-ibliet, li huma mibnija għal kollox, li ilhom mhux abitati għal bosta snin, jiġu mixtrija mill-Gvern bl-iskop ta' restawr/"slum clearance', sabiex dawn l-ibliet ma jibqgħux isiru 'ghost towns'? Jaqbel il-Ministru li din il-politika hi fuq kollox meħtieġa f'lokalitajiet bħal Belt Valletta u l-Furjana fost l-oħrajn?
ONOR. FREDDIE PORTELLI: Kif hemm imwiegħed fil-programm elettorali tal-Partit fil-Gvern, il-Gvern bi ħsiebu jagħti inċentivi biex bini bħal dak li għalih qed issir riferenza, jerġa' jiġi żvilluppat biex jgħixu fih in-nies.
2490. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Peress li s-soltu t-tħejjija tal-programm, bħal dan iż-żmien tas-sena tkun diġa' waslet fi stadju avvanzat ħafna, jista' l-Ministru jgħid meta se jaħtar il-Kumitat organizzattiv tal-Festival Internazzjonali ta' l-Arti għal din is-sena? Fil-każ, jista' l-Ministru jgħid ukoll kif inhuwa kompost dan il-Kumitat?