ONOR. EVARIST BARTOLO: Jiena nfurmat illi l-laqgħa msemmija saret fil-5 ta' Frar 1996.
Mill-minuti ta' l-istess laqgħa jirriżulta li kien deċiż li s-Segretarju Parlamentari responsabbli għaż-Żgħażagħ ta dak iż-żmien kellu jagħmel talba formali lid-Dipartiment ta' l-Artijiet sabiex jinstab post alternattiv għall-uffiċċji tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Jirriżulta wkoll li s'Ottubru 1996 dan il-post kien għadu ma nstabx.
KUNSILL NAZZJONALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
2495. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Peress illi waqt id-dibattitu tal-Budget dwar iż-żgħażagħ, is-Segretarju Parlamentari stqarr li sab il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ kważi f'abbandun, jista' l-Ministru jikkonferma li:- 1) fil-15 ta' April, 1996 jiena ppreżentajt "computer' komplet u "photocopier" ġdida; 2) il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ daħħalthom fil-"home page" taż-żgħażagħ "Youth on the Move" fil-21 ta' Marzu, 1996; 3) id-dokument tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ ġie aġġornat u kien wasal fil-fażi tal-pubblikazzjoni?