ONOR. JOE CASSAR: Madam Speaker, jista' l-Prim Ministru jgħidilna kif ix-xogħol ta' restawr huwa maqsum bejn il-ministeru tax-xogħlijiet pubbliċi u l-ministeru ta' l-edukazzjoni u kultura nazzjonal? Jirriżulta li hawn affarijiet li jieħu ħsiebhom ministeru u affarijiet oħra li jieħu ħsiebhom ministeru ieħor imma naħseb li huwa fl-interess ta' kulħadd li nkunu nafu.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Iva, din hija problema sempiterna fit-tmexxija tal-gvern, li ċerti responsabilitajiet ikunu maqsuma bejn ministeri differenti, u ma tkunx taf eżattament fejn jibda wieħed u fejn jispiċċa l-ieħor. Per eżempju, fejn tidħol il-manutenzjoni, ċerti ħaddiema industrijali jitqassmu ma' diversi dipartimenti, għax parti mill-job tkun taħt id-dipartiment ta' l-ambjent, parti oħra tkun taħt id-dipartiment tal-biedja, parti taħt id-dipartiment ta' l-edukazzjoni u parti oħra taħt id-dipartiment tal-public works. F'dan il-qasam hemm ħafna overlaps u waħda mill-affarijiet li qed nipprovaw nagħmlu hija li nirrazzjonalizzaw ix-xogħol kif isir u taħt liema dekasteru jaqa'.
Il-problema qed tkun li ħafna mill-jobs ikunu ntirtu. Kultant ikollok ukoll storja ta' wirt politiku, ta' meta nbidlu d-dekasteri taħt l-amministrazzjoni preċedenti u allura pocket ta' xogħol jibqa' taħt ministeru partikolari, għax il-ministru ta' ħames snin jew tmien snin ilu kien tiegħu dak iż-żmien. Allura ma neskludix li anke f'dan il-qasam wieħed irid jara ir-razzjonalizzazzjoni li għandha ssir.
Jien nemmen li l-aħjar razzjonalizzazzjoni għandha tibda mid-dipartiment ta' l-ambjent, id-dipartiment tal-public works u d-dipartiment tal-biedja fuq nies li għandhom x'jaqsmu ma' manutenzjoni ta' postijiet storiċi u ta' wirt kulturali.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Jean Pierre Farrugia, mistoqsija supplimentari.