MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, jien m'għandi l-ebda raġuni għaliex niskużah. L-Onor. Interpellant jista' jitkellem kemm irid fuq is-swar u nfakkru li waħda mir-raġunijiet għaliex qed nitkellmu fuq is-swar hija għax dan il-Gvern ħa r-responsabbilta` li jibda jagħmel manutenzjoni tas-swar, ħaġa li ma kenitx tiġri taħt l-amministrazzjoni ta' qabel. Jitkellem kemm irid fuq is-swar, nieħu gost li jagħmel hekk u nkunu iktar milli lesti biex nagħtuh l-ispjegi neċessarji.
Jien ma naqbilx li għandna ndaħħlu l-proċedura li qed isemmi l-Onor. Tonio Borg għaliex mid-dehra din il-proċedura tiddependi mill-fatt li jgħaddi deputat ta' naħa jew oħra, jara ċ-ċapap tal-franka li ma jogħġbuhx u allura jqajjem is-suġġett bi protesta lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Bir-rispett kollu lejn l-Awtorita` ta' l-Ippjanar, jien nerġa' ngħid li m'iniex konvint li din se tkun watchdog li tassew issegwi jew iżżomm l-affarijiet aħjar milli jista' jżomm proċeduri serji u trasparenti l-gvern. Madam Speaker, ħalli nagħtik eżempju.
Is-sena li għaddiet meta konna qed nagħmlu l-esplanade ta' Buġibba, waħda mill-affarijiet li nsistiet fuqha l-Awtorita` ta' l-Ippjanar kienet li pjazza minnhom inħalluha vojta ħalli jkun hemm parking space. Aħna ma stajniex nifhmuha din imma la qalet hekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għamilnieha u issa qed insir naf jien li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar qed tagħti permess biex ikun hemm lunaparkfuq dak il-parking space, li skond hi kienet meħtieġa biex joqogħdu l-karozzi ħalli ma jkunx hemm overflow tat-traffiku. Allura kif nista' mbagħad naċċetta l-premessa ta' l-Onor. Borg li jekk nagħmlu proċeduri aktar tqal, fuq ħaġa bħal din se jkun hemm xi kontrolli jew xi safeguards aħjar? Assolutament ma naqbilx mal-premessa u nemmen li l-proċedura li qed tiġi segwita, jiġifieri li jkun hemm informazzjoni lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar biex tkun tista' tintervjeni hi proċedura effikaċi, effiċjenti u tajba.
Ċertament nerġa' nsostni li din il-kwestjoni kollha qed tqum għax dan il-Gvern ħa r-responsabbilta` li jibda jagħmel maintenance tas-swar. Allura tajjeb li jqum il-punt u niddiskutu s-swar. Tajjeb li nirrekordjaw il-punt li kien hemm bżonn li s-swar jiġu rranġati u tlaqna għax-xogħol li nirranġaw is-swar.