ONOR. GEORGE VELLA: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
DJAR - AKKOMODAZZJONI SOĊJALI
14632. L-ONOR. JOE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal akkomodazzjoni soċjali fiż-Żurrieq mir-residenti ta' l-istess lokal? Id-Dipartiment tad-Djar kemm għandu f'idejh postijiet li jistgħu jiġu allokati? Xi prospetti hemm li jinbnew aktar flats fiż-Żurrieq minbarra s-sulari żejda pproġettati?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jien informat illi hemm 20 applikazzjoni għal akkomodazzjoni minn residenti fiż-Żurrieq li jixtiequ jibqgħu joqogħdu ż-Żurrieq. Id-Dipartiment m'għandu l-ebda post vojt f'idejh f'dan il-lokal. Hemm prospetti tajbin illi f'dan il-lokal jinbnew numru ta' postijiet oħra minbarra dawk proġettati fis-sulari żejda.
14633. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru bankini fir-Rabat, Għawdex matul l-1997 u sa l-aħħar ta' April ta' din is-sena? Kemm inħela materjal għalihom, f'liema toroq saru dawn il-bankini, jeżistix xi kwalita' ta' stock control? Kemm swew dawn il-bankini? Jista' l-Prim Ministru jagħti wkoll breakdown ta kemm saru bankini u f'liema toroq?