14638. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm hu kkalkolat li hu t-tul ta' żmien li jgħaddi mill-applikazzjoni biex anzjan ikollu l-għajnuna fid-dar minn CSA għad-data attwali li dan is-servizz jibda jingħata?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Mid-data ta' l-applikazzjoni sakemm jingħata s-servizz tal-home help iridu jgħaddu diversi ġimgħat sakemm il-proċeduri kollha jiġu esegwiti. Dawn il-proċeduri jinkludu li ssir żjara fid-dar ta' l-anzjan/a mis-supervisor, jinkiteb rapport, il-każ jitressaq quddiem bord u finalment jiġi allokat is-servizz.
Dan kollu jiddependi wkoll mill-availability ta' assistenti soċjali każwali li fil-preżent jinsabu kollha okkupati.