14641. L-ONOR. MICHAEL REFALO staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14382, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' l-irfinar fit-tħaddim fis-sistema li semma fir-risposta?
ONOR. KARMENU VELLA: Ma għandi xejn aktar xi nżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 14382.
DAR IL-MEDITERRAN GĦALL-KONFERENZI
14642. L-ONOR. MICHAEL REFALO staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-ftehim li kellu jsir dwar it-tmexxija ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi mal-kumpannija ntlaħaqx? Jekk fl-affermattiv, ġie ffirmat u f'dan il-każ, jista' l-Ministru jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
ONOR. KARMENU VELLA: Ir-risposta hija fin-negattiv.
ŻEJTUN - TRIQ IL-GĦADAM
14643. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol komplut li sar fi Triq il-Għadam, fiż-Żejtun mid-Dipartiment tad-Drenaġġ? Kemm residenzi bbenefikaw minn dan ix-xogħol? Kif ingħatat u minn min prijorita' lil dan ix-xogħol f'din it-triq u ma sarx ukoll xogħol ieħor f'postijiet oħra fiż-Żejtun fejn ilu snin jiġi mitlub dan ix-xogħol u huwa urġenti?