ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Fix-xogħol li sar ġewwa Bir id-Deheb u Triq il-Għadam, Żejtun irriżultaw diffikultajiet tekniċi li minħabba fihom kellha titwal ir-rotta u ssir devjazzjoni. Barra minn hekk ix-xogħol kien jinvolvi tħaffir fil-fond ħafna li naturalment kompla jżid fl-ispiża li qorbot l-Lm10,000. Bix-xogħol li sar qed jinqdew 'il fuq minn 25household.
Qiegħed isir kull sforz biex xogħol ieħor li hemm bżonn isir kemm jista' jkun malajr.
KORDIN - DAWL
14644. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12734 magħmula minni u għar-risposta mogħtija mill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija fejn qal li d-dawl fl-Industrial Estate ta' Kordin kellu jibda jinxtegħel f'April, jista' l-Ministru jispjegalna għaliex sal-lum dan għadu ma seħħx? Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-Korporazzjoni Maltija għal Żvilupp fil-fatt lanqas biss għadha applikat biex isir dan id-dawl?