ONOR. GEORGE VELLA: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
MTARFA - BINJA BUQANA - LIFTIJIET
14648. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid għaliex fi Block A, Binja Buqana, fl-Imtarfa iż-żewġ liftijiet li hemm ma jaħdmux u ilhom hekk diversi ġimgħat, peress li wħud mir-residenti jridu jitilgħu sitt sulari bit-taraġ u jiena mgħarraf li fost ir-residenti hemm ukoll nisa tqal?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Miż-żewġ lifts li hemm stallati fi Blokk A Binja Buqana:-
1. Lift numru 1 għandu transformer maħruq u ġie ordnat ieħor maħdum speċjalment mill-manufatturi ta' dan il-lift. Dan it-transformer mistenni jasal f'qasir żmien.
2. Lift numru 2:- Ir-residenti nkarigaw engineer biex jagħmel rapport fuq il-lift. Ġie rakkomandat li dan il-lift jitwaqqaf sakemm isiru xi tiswijiet meħtieġa. Għalkemm dawn tlestew, ir-residenti ma jixtiequx li l-lift jitħaddem sakemm igibu l-engineer tagħhom biex jiċċertifikah.
Ta' min isemmi li kien hemm okkazjonijiet fejn ir-residenti stess inqabdu jtellgħu oġġetti tqal u materjali ta' bini permezz tal-lift u anke jzommu l-bieb miftuħ għall-perjodu ta' ħin. B'dan il-mod il-lift ikun maltrattat u jkunu kkaġunati ħsarat li għalihom huma responsabbli r-residenti stess.
Għaldaqstant nieħu l-opportunita' li nagħmel appell biex kull min juża l-lifts jużahom bil-galbu għalih innifsu u għall-għajru.