ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li billi l-applikanti għall-post ta' Direttur (Finanzi u Amministrazzjoni) fid-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili kellhom jibgħatu l-applikazzjonijiet tagħhom lis-Segretarju Permanenti ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, d-Dipartiment mhux qiegħed f'pożizzjoni li jwieġeb għad-domanda ta' kemm kien hemm applikanti.
Jiena nformat ukoll li l-ħtieġa ta' dan il-post ta' Direttur mhux marbuta man-numru ta' nies li jimpjega d-dipartiment iżda man-natura tax-xogħol li jrid isir.
14683. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-Iskola ta' l-Art and Design, id-diploma tal-kors ta' l-Industrial Design, li jieħu erba' snin, tintbagħat bil-posta u l-prize day ma ssirx? Jista' l-Ministru jieħu passi biex l-istudenti li ħadmu għal dawn l-aħħar erbgħa snin tingħatalhom id-diploma fi prize day?