MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono): Il-Minuti jistgħu jiġu kkonfermati? L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA:Madam Speaker, niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li l-Onor. Jean Pierre Farrugia kien preżenti għas-seduta ta' nhar l-Erbgħa, 13 ta' Mejju, 1998.
MADAM SPEAKER: Hemm xi korrezzjoni oħra? Il-minuti jistgħu jiġu kkonfermati? (Onor. Membri: Iva)
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 217 li saret fit-13 ta' Mejju, 1998 ġew konfermati.
9585. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet fid-dikasteru li għalih hu responsabbli mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru, 1997? X'kien l-iskop ta' kull safra? Minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull safra? Kemm intnefaq għal kull safra? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll mingħand liema aġenziji ta' l-ivvjaġġar ittieħdu l-biljetti ta' l-ajru u kemm tħallas lil kull aġenzija?