MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Ninu Zammitt.
ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker, ħadt gost nisma' lill-aħħar kelliem min-naħa tal-Gvern, li b'mod ipotetiku għamel diskors biex b'xi mod jipprova jiġġustifika l-fatt li l-Gvern ġie jitlob lil dan il-Parlament japprovalu s-self ta' Lm110 miljun ħalli jkopri d-deficit tas-sena li għaddiet. L-Onor. Membru semma l-kelma "kieku", u rrid ngħid li jien personali din il-kelma ma tantx nużaha, għax hawn m'aħniex nitkellmu fuq affarijiet li qegħdin fis-sħab. Hawn qegħdin nitkellmu fuq kriżi finanzjajrja u rrid nenfasizza li din il-kriżi ġabha b'idejh dan il-Gvern. Kulħadd jaf li l-mediċina li għandu l-Gvern għal din il-kriżi hija x-xita ta' taxxi li l-poplu beda jduq mill-aħħar elezzjoni 'l hawn. Biżżejjed ngħid li huwa kkalkolat li minn Ottubru ta' l-1996 sal-lum ġew introdotti madwar 55 forma ta' taxxa ġdida, u nixtieq li aktar 'il quddiem nitkellem daqsxejn iktar fit-tul fuq uħud minn dawn it-taxxi.
Madam Speaker, kif kont qed ngħid sa ftit ġimgħat ilu - biex ma ngħidx sa xahar jew xahrejn ilu - il-Gvern kien qed jgħidilna li d-deficit għas-sena l-oħra kellu jkun ta' Lm125 miljun. F'daqqa' waħda b'sorpriża qalulna liminn Lm125 miljun dan id-deficit niżel għal Lm102 miljun. Jien ħadt gost pero' naħseb li f'din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għandna ningħataw spjegazzjoni ta' kif il-Gvern tal-lum għamel propaganda sħiħa u mela ras kulħadd li d-deficit għas-sena li għaddiet kellu jkun ta' Lm125 miljun - mhux tort tal-poplu imma tort tal-mismanagement tal-Gvern stess - u issa f'daqqa' waħda dan niżel bi Lm23 miljun għal Lm102 miljun. Jien m'iniex xi tekniku jew xi accountant u ma nifhimx fil-finanzi u se nitkellem mill-mod kif the man in the street jara s-sitwazzjoni.
L-ewwel mistoqsija li rrid nagħmel hija: Għaliex dan il-Gvern kellu jiġi quddiem din il-Kamra b'talba biex ikun jista' jissellef Lm110 miljun sabiex jagħmel tajjeb għad-deficit ta' sena waħda biss? Hawnhekk ta' min jgħid li l-Gvern preżenti matul is-sena l-oħra m'għamel l-ebda investiment kapitali maġġuri. Per eżempju, dan m'għamilx capital investment fl-infrastruttura. Kif nistgħu naraw, dan il-Gvern mhux qed jissellef Lm110 miljun biex jibni xi power station jew biex jibni xi distribution centre imma qed jissellef dawn il-Lm110 miljun minkejja l-fatt li mill-aħħar elezzjoni sal-lum dan ma nefaqx ċenteżmu wieħed bħala investiment fuq il-provvista ta' l-ilma fil-pajjiż. L-istess, jekk inħarsu lejn it-telephones insibu li ma sar l-ebda capital investment mill-1996 sal-lum fuq is-sistema tat-telephones. Dan il-Gvern lanqas m'għamel capital investment f'bini ta' xi airport ġdid. Mela nista' ngħid li dan il-Gvern sab dawn l-affarijiet kollha lesti, b'mod partikolari fl-infrastruttura, u allura se jissellef dawn il-Lm110 miljun għas-sempliċi raġuni li falla. Allura ġie jissellef biex jgħatti l-iżbalji li ġew ikkaġunati mill-miżuri politiċi żbaljati li l-istess Gvern ħa minn Ottubru ta' l-1996 'l hawn. Madam Speaker, bil-Malti ngħidu li dak li tiżra' taħsad u s-sitwazzjoni li qegħdin fiha fil-preżent toriġina minn qabel l-aħħar elezzjoni.
Titkellem ma' min titkellem kulħadd jgħidlek li l-Gvern preżenti rebaħ l-elezzjoni f'Ottubru ta' l-1996 meta ħadd ma kien jemmen li kellu ċans jirbaħha, anke wħud mill-membri tal-Gvern qegħdin jistqarru dan pubblikament. Ħadd ma kien jemmen li l-Partit Laburista kellu xi nitfa ċans li jirbaħ il-poter f'Ottubru ta' l-1996. Aħna nafu li qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista wiegħed fuq li wiegħed bi skop wieħed, mhux biex jirbaħ l-elezzjoni imma biex inaqqas il-maġġoranza li kellu l-Partit Nazzjonalista. U igdeb minn hawn u igdeb minn hemm, u wiegħed minn hawn u wiegħed minn hemm ... X'ma wegħdux? Wegħdu li se jneħħu l-VAT u beżżgħu lill-poplu bil-babaw ta' l-Ewropa. Ma nafx x'ma qalux kontra l-Ewropa! Bħala sommarju rrid ngħid li dawn ingannaw lill-poplu f'kull qasam u peress li kien hemm min bela' l-lixka ta' l-ingann tal-propaganda tagħhom, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni u ħa l-poter f'idejh. B'hekk f'Ottubru ta' l-1996 spiċċajna bi gvern li ma kienx ippreparat biex jirbaħ l-elezzjoni u allura kellna gvern bla pjan. U x'ġara mbagħad?
Kulħadd jiftakar li wara l-elezzjoni ta' l-1996 bdew ħerġin il-ħrejjef tal-ħofor u bil-mod il-mod kollox beda jiġġammja. Illum, kif jaf il-poplu Malti u GĦawdxi kollu, pajjiżna jinsab iġġammjat. Min ma jafx x'ġara fl-unemployment fil-pajjiż? Min ma jafx li l-qgħad tiela' kontinwament - dan ilu tiela' minn Ottubru ta' l-1996 - b'ritmu allarmanti?