ONOR. JOHN DALLI: Nipproponi li jkompli jinstema'.
ONOR. ANGLU FARRUGIA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Zammit ikompli jitkellem. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. ONOR. NINU ZAMMIT:Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra. Sinjura President, kif kont qed ngħid, permezz ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea pajjiżna kien se jibbenefika wkoll minn fondi biex filwaqt li jinbnew impjanti ta' tisfija tad-drenaġġ, issir sistema ta' network fl-areas agrikoli kollha ħalli l-ilma second class ikun jista' jintuża għat-tisqija ta' l-uċuh tar-raba', u l-qasam ta' l-akwakultura kien se jiġi msaħħaħ u mkabbar ukoll. Imma bit-twaqqif ta' żona ta' kummerċ ħieles dawn il-benefiċċji kollha jisparixxu u għal dan l-investiment kollu se jkollu jagħmel tajjeb il-poplu Malti mit-taxxi li jħallas.
Fil-fatt ta' min jgħid li huwa kkalkolat li pajjiżna kien se jgawdi mat-Lm80 miljun fis-sena f'dawk li huma enlargement funds li kieku Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Jien ma naqbilx ma' l-Onor. Sceberras Trigona li qal li l-Unjoni Ewropea tagħtik il-fondi biex tagħmel tajjeb għad-deficit Dan mhuwiex il-każ. Issa għal min ma jafx Lm80 miljun jsarrfu daqs l-investiment kollu li għamilna fil-power station ta' Delimara, bil-phase I, bil-phase IIA u bil-phase IIB b'kollox. Fi kliem ieħor l-investiment li għamilna f'Delimara bejn l-1987 u l-1996 biex irdoppjajna l-kapaċita' tal-ġenerazzjoni ta' l-elettriku, kienet se tagħtihulna l-Unjoni Ewropea f'sena waħda biex tkun tista' tissaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż.
Madam Speaker, s'issa semmejt żewġ żbalji li wettaq dan il-Gvern, liema żbalji wassluh biex jitlob lill-Parlament japprova s-self ta' Lm110 miljun. Imma fil-fatt il-Gvern wettaq żball ieħor, dik li ilu minn Ottubru ta' l-1996 itambar fuq il-ħofor, għax dawn il-ħafna ħrejjef tal-ħofor ġabu inċertezza kbira fil-pajjiż. Fil-fatt illum din l-inċertezza qed tinħass minn kulħadd, bil-konsegwenza li ninsabu f'sitwazzjoni fejn ħadd ma jaf fejn hu sejjer. Imma l-verita' x'inhi? Li dan il-Gvern sab il-ħofor? Jew li kien daqstant fortunat li prattikament sab l-industrija kollha taħdem? GĦax il-Gvern f'liema qasam sab il-ħofor? Fil-qasam ta' l-ilma? Ħalli nfakkar f'liema sitwazzjoni kien jinsab dan il-qasam matul l-1996. Il-qtugħ ta' l-ilma kien ikun programmat, jiġifieri daqqa kien imessha li tinqata' l-provvista ta' l-ilma taż-Żurrieq, daqqa kien imessha li tinqata' l-provvista ta' l-ilma tan-Naxxar, daqqa kien imessha li tinqata' l-provvista' ta' l-ilma ta' Ħal Qormi ... Allura aħna ħallejna l-ħofor meta f'disa' snin u nofs investejna għexieren ta' miljuni ta' liri f'dan il-qasam biex irdoppjajna l-kapaċita' tal-produzzjoni ta' l-ilma u kabbarna s-sistema tad-distribuzzjoni?
Jien dalgħodu ħadt pjaċir naqra fuq il-gazzetti li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ngħatat l-ISO 9002, pero' jien persważ li dan iċ-ċertifikat ma seta’ qatt jingħata fl-1986 għax dak iż-żmien il-pajjiż kien għaddej minn kriżi serja ta' nuqqas ta' ilma. Illum, permezz ta' l-investiment kollu li għamilna, il-qasam ta' l-ilma ġibnieh f'sitwazzjoni fejn għandna saħansitra spare production capacity imma, bħalma qal is-Sur Mifsud fir-rapport li qabbdu jagħmel il-Prim Ministru, minkejja l-investiment kollu ta' għexieren ta' miljuni ta' liri li għamilna biex seta' jkollna provvista adegwata ta' ilma, il-Gvern Nazzjonalista lill-poplu Malti qatt ma daħħallu tariffi anti-soċjali fuq il-konsum ta' l-ilma. Fil-fatt l-istess nistgħu ngħidu għall-qasam ta' l-elettriku.
Madam Speaker, bħalma taf is-Sinjorija Tiegħek, bħala GĦawdxija, sa qabel l-elezzjoni ta' l-1987 meta wieħed kien imur GĦawdex u jżur l-irħula ta' din il-gżira kien jaħseb li wasal il-Milied għax id-dwal tat-toroq kienu kollha jteptpu, qishom xi christmas tree. Imma hekk kif tela' fil-gvern il-Partit Nazzjonalista kabbarna l-kapaċita' tad-distribution centres b'madwar ħames darbiet, u dan l-investiment sewa mijiet ta' miljuni ta' liri. Din hi l-ħofra li ħalla l-Gvern Nazzjonalista bħala wirt lill-partit ta' l-Onor. Alfred Sant!
Nista' nibqa' nsemmi l-affarijiet li ħalla l-Gvern Nazzjonalista lill-Gvern preżenti. Per eżempju, nista' nsemmi l-iżvilupp li sar fis-sistema tat-telephone, fejn mill-iStrowger morna għal waħda mill-iktar sistemi moderni li jeżistu f'dan il-qasam. Allura kif nistgħu ngħidu li l-Gvern Nazzjonalista kien fallut meta ħalla dan il-ġid kollu fil-pajjiż? Issa hawn jien ma kontx se noqgħod insemmi l-ħafna djar ta' l-anzjani li bnejna, it-tkabbir li sar fl-Universita' u l-bini ta' l-airport. Dawn l-affarijiet jafhom kulħadd.
Madam Speaker, kif għidt diġa', it-tneħħija tal-VAT, l-iffriżar ta' l-applikazzjoni għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea u l-ħrejjef tal-ħofor ġabu f'pajjiżna barriera ta' kriżi finanzjarja u minħabba f'hekk illum il-Gvern qed jiġi kostrett jissellef Lm110 miljun biex jgħatti r-running costs ta' sena waħda biss. U x'inhi l-mediċina ta' dan il-Gvern għal dan id-deficit? Taxxi, taxxi u taxxi! U dan kollu ġie kkaġunat mill-policies diżastrużi li ħa l-Gvern Laburista. Fil-fatt jekk wieħed jibda jsemmi t-taxxi li ddaħħlu minn Ottubru ta' l-1996 sa llum, ma jkunx jaf minn fejn irid jibda u jispiċċa għax tant iddaħħlu taxxi matul dan il-perijodu li wieħed bilfors jinsa xi wħud minnhom. Per eżempju, iddaħħlu taxxi fuq il- petrol u fuq id-diesel, u filwaqt li qabel biex tidħol il-Belt kont tħallas b'kollox Lm65 illum trid tħallas Lm95.
Imbagħad xi ngħidu għall-kaċċaturi? Kemm kien jgħidilna qabel il-Partit Laburista biex inħalluhom jisparaw fil-kwiet! Imma llum dan il-Gvern qatgħalhom il-kaċċa - u mhux billi taparsi jagħmel leġislazzjoni f'dan ir-rigward - għax il-liċenzja tas-senter għamililhom Lm19, bir-riżultat li llum ftit huma dawk li għadhom jaffordjaw imorru għall-kaċċa. (Interruzzjonijiet) Imma llum tant hemm pulizija serja taħtek, Onor. Mizzi, li m'għadx baqa' serq! (Interruzzjonijiet)