THE DEPUTY SPEAKER: Kompli, Onor. Dalli. Jien qed nagħtik il-kelma biex tkompli.
ONOR. JOHN DALLI: Jien kulma qed nagħmel hu li qed ngħid il-fatti kif inhuma u qed nispjega f'liema pożizzjoni ġibtu lil dan il-Parlament.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Dalli, jekk jogħġbok indirizza lis-Sedja.
ONOR. JOHN DALLI: Iva, jien biex nitkellem fuq l-Unjoni Ewropea qed ikolli nikser ir-regolamenti tal-Kamra! F'din il-pożizzjoni ġibtuna pero' nħoss li xorta waħda għandi nitkellem fuq l-Unjoni Ewropea. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Mizzi u Onor. Abela, jekk jogħġobkom żommu l-ordni. (Interruzzjonijiet) Kompli, Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Sur President, kif kont qed ngħid, in-naħa l-oħra ma tridx li pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, u anke hawnhekk qed naraw il-politika bl-addoċċ li għandu dan il-Gvern. Issa hawn jien irrid infakkar li din il-politika ġiet skreditata għax il-Gvern m'għandux l-appoġġ tal-Parlament għall-politika tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear) Din hija l-verita', Sur President. Il-Gvern ġie sfiduċjat. Għalhekk qed jibża' jressaq il-mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni. Vleġġa 'l hawn, vleġġa 'l hemm, kumment 'l hawn u kumment 'l hemm, fl-aħħar tiżvina! Anke hawn qed naraw il-politika ta' l-addoċċ ta' dan il-Gvern. Il-Gvern beda f'pożizzjoni mhux definita u beda jitkellem fuq industrial free trade, kompla jħawwad u jgħaffeġ sakemm fl-aħħar ġie mkaxkar - u fil-fatt ġie imkaxkar fil-veru sens tal-kelma - mill-Unjoni Ewropea biex jadotta pożizzjoni kif riedu l-Ewropej. Kemm kienu jgħajruna lilna li dak li konna qed nagħmlu konna qed nagħmluh biex nogħġbu lill-Unjoni Ewropea. Imma lilhom kaxkruhom u qalulhom: Mhux kif tridu intom imma kif ngħidulkom aħna!
Sur President, dan l-aħħar qed nisimgħu li se jsir restructuring fil-qasam tal-manifattura? X'jiġifieri! X'qegħdin ngħidulhom lil dawk li jagħmlu l-għamara? Għidulna ftit! Intom kontu xxewxuhom tant għalina! GĦidulna x'qed tgħidulhom lil dawn il-ħaddiema! X'se jagħmlu dawk li jagħmlu l-għamara, dawk li jagħmlu l-aluminium u dawk li jagħmlu tant affarijiet oħra? Ta' l-Ewropa qalulhom li r-restructuring irid isir fi tliet snin. Biex mingħalih ikun għamel xi avvanz, il-Gvern qalilhom li jrid jagħmilha f'seba' snin. Meta marru hemmhekk ta' l-Ewropa qalulhom li din trid issir fi tliet snin. Allura s-soluzzjoni x'inhi? Is-soluzzjoni hi li ntawlu u nieħdu erba' snin biex niftehemu! Dik soluzzjoni! Soluzzjoni ta' Ġaħan, Sur President! Jiġifieri se nagħmlu erba' snin fil-limbu biex l-Ewropa tgħaddi tagħha u Alfred Sant tgħaddi tiegħu u qisu ma ġara xejn! Dan huwa gvern ta' l-addoċċ. Se nagħmlu erba' snin ninnegozjaw u ngħaddu ż-żmien b'xulxin biex imbagħad dawn l-erba' snin magħduda mat-tlieta ta' l-Ewropa jiġu seba' snin. Ara daqsxejn xi ħmerijiet! Nieħdu l-agrikoltura. L-agrikoltura x'se jiġri minnha? Staqsu lil min tridu x'se jiġri mill-agrikoltura u r-risposta tkun: Ma nafx! Il-Gvern ma jafx x'se jiġri fl-agrikoltura. L-Unjoni Ewropea qaltilhom li l-agrikoltura se tkun inkluża fl-agreement u mbagħad wara nibdew niddiskutu l-eċċezzjonijiet. Nieħdu t-turiżmu. Smajna hawnhekk li huwa ta' ġid għat-turiżmu li aħna ma nkunux fil-Euro. Imma dawn ħmerijiet, Sur President! L-effett li se jkollha l-Euro fuq il membri tagħha kollha huwa li din se tnaqqas b'mod straordinarju l-ispejjeż tat-transazzjonijiet kollha li jsiru f'munita barranija. Illum il-kompetituri tagħna kollha mhux se jkollhom problema meta jirċievu turisti mill-Ewropa. Imbagħad hemm vantaġġ ieħor għall-operaturi kompetituri tagħna fil-Portugall, fi Spanja u f'pajjiżi oħra, għax billi jrid ikun hemm conversion fl-imgħaxijiet tal-bank, dawn se jkunu baxxi ħafna. Hawnhekk għandna sitwazzjoni fejn ir-rati ta' l-imgħax f'pajjiżna telgħin u fl-Ewropa, anke minħabba l-Euro, neżlin. Issa jekk hemm settur li huwa heavily geared u highly capitalised dan huwa s-settur tat-turiżmu, fejn trid kapital enormi biex tibda, għax tkun trid tibni l-lukanda u tagħmel il-furnishing tagħha qabel ma tkun għadek lanqas biss daħħalt sitt ħabbiet. Dan jagħti lok għal dak li jgħidulu heavy gearing, fejn il-kapital a proporzjon tas-self ikun baxx u s-self ikun għoli. Allura l-inċidenza ta' l-imgħaxijiet fuq l-azjendi f'dan is-settur huwa ta' importanza kbira, bħalma hi l-inċidenza tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Bħala spejjeż fuq dawl u l-ilma, bejn wieħed u ieħor, dawn jonfqu l-ekwivalenti ta' 6% tat-turnover tagħhom. Mela jekk tagħmel kalkolu ssib li bit-tariffi l-ġodda l-ispejjeż se jiżdidulhom b'4%. Allura, Madam Speaker, kemm kienet daħka fil-wiċċ meta għidnilhom li naqqasnilhom ir-rata tal-VAT minn 10% għal 5%! Kemm kienet daħka fil-wiċċ li lil dawn għidnilhom li se nnaqqsulhom ir-rata tas-service tax - jew aħjar is-CET - minn 10% għal 5%! Issa dawn ma kenux jafu x'qed jiġri għax ħadd ma qalilhom kif se jsir il-kalkolu. Dawn kellhom moħħhom mistrieħ. Jien kont staqsejthom dwar kif se jkunu milquta bir-rati l-ġodda u qaluli li l-effett se jkun marġinali ħafna. Kemm qalu aħħ! Kemm weġġgħu meta rċevew il-kontijiet! Ħadd ma kien qalilhom kif se jikkalkolawha din. Ħallewhom kwieti u għamlulhom ir-rati bil-moħbi, li ma jmorrux jirvellaw f'dak iż-żmien li Malta kollha kienet qed tiddiskuti l-kwestjoni tat-tariffi ta' l-ilma u d-drenaġġ. Għalhekk il-Gvern dak iż-żmien seta' jgħid li tal-hotels ma tkellmux. Imma issa tkellmu tal-hotels! Dażgur li jitkellmu tal-hotels! Mela dan l-isfreġju xi ħadd jista' jaċċettah fuq pajjiżna?
Smajna lill-Onor. Sceberras Trigona jitkellem fuq Father Christmas. Jien inserraħ ras l-Onor. Membru li aħna ma stennejna lill-ebda Father Christmas. Aħna mill-1987 għamilna wegħda magħna nfusna li dan il-pajjiż mhux se jibqa' tallab ta' ħadd. Fl-1987 għamilna wegħda magħna nfusna li l-ġid li se nqassmu bejnietna se noħolquh aħna. Spiċċa ż-żmien li mmorru bil-kopp mad-dinja kollha nitkarrbu għall-flus. Id-dħul fl-Ewropa kien jagħmilha possibbli għalina bħala pajjiż li nieħdu fondi mill-Ewropa bi dritt, Sur President. Konna neħduhom bi dritt u mhux imur il-Ministru Vella u jitlobhom jagħmlulna pjaċir u jdaħħluna fi protokoll ieħor u biex jagħtuna xi ħaġa milli se jagħtu lil ħaddieħor. Aħna l-pożizzjoni tagħna differenti. It-triq tagħna kienet tfisser li l-fondi mill-Ewropa konna neħduhom bi dritt. Il-konċett Ewropew hu li jkun hemm level playing-field għal kulħadd. Din tagħraf l-iżvantaġġi li għandu pajjiżna f'ħafna setturi, tagħraf li pajjiżna huwa żgħir, tagħraf il-problemi li għandna b'ħafna riżorsi naturali, bħall-ilma, tagħraf il-livell ta' żvilupp li għandna u li rridu mmexxuh kemm jista' jkun malajr bil-ġirja biex nilħqu l-average Ewropew. U biex tgħinna nagħmlu dan, mhux bħal Father Christmas imma bi dritt, konna se ningħataw fondi biex inkunu nistgħu ninvestu fl-infrastruttura ta' pajjiżna. Dawn il-fondi kieku kien ikollna niġbruhom mingħand il-poplu Malti. Aħna qatt ma ngħidu li dawn se jagħtuna xi Lm30 miljun biex jagħmlu tajjeb għall-budget. Mhux dak il-konċett u min jitkellem hekk ma jkun fehem xejn. Dawn jiffinanzjaw proġetti li l-pajjiż ikollu bżonn u li kieku ma jiffinanzjawhomx huma, il-pajjiż ikollu jiffinanzjahom mit-taxxi li jiċċarġja lill-poplu. Allura l-Ewropa tkun qed tħallas minflok it-taxxi tal-poplu u forsi ma kienx ikollna għalfejn nagħmlu dawn ir-rati krudili tad-dawl u l-ilma, kif saru minn dan il-Gvern.
Sur President, din in-naħa tal-Kamra se tivvota kontra dan is-self li se jagħmel il-Gvern. Nafu li l-Gvern għandu bżonnhom dawn il-flus pero' aħna nafu wkoll li dan il-bżonn ħolqu hu minħabba l-politika bl-addoċċ li qed isegwi, minħabba n-nuqqas ta' foresight li għandu u minħabba l-mod kif mhux kapaċi jiġbor ir-revenue li suppost jiġbor kieku jagħmel politika fiskali li tagħmel sens. Grazzi.