MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum. MADAM SPEAKER: Il-Kamra hija sospiża għal ħames minuti minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fis-5.55 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara. MADAM SPEAKER:L-Onor. Zammit Dimech jista' jkompli d-diskors tiegħu.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, kont qed ngħid li l-Onor. Spiteri kien issuġġerixxa li meta gvern jiġi biex jissellef, l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu hija li naraw kemm qed jissellef mingħand il-pubbliku u kemm qed jissellef mill-banek. Imbagħad, skond l-Onor. Membru, għandna naraw x'inhu s-servicing ta' dawn il-loans ħalli nkunu nafukemm il-pajjiż ikun qed joħroġ ta' kull sena sabiex iħallas l-imgħaxijiet, kif ukoll b'kemm ikun qed jikber dan l-ammont. Għalhekk illum li resqin lejn it-tmiem tad-diskussjoni fuq dan l-abbozz ta' liġi se nipproponi immedjatament biex dan il-Parlament jistaqsi lilu nnifsu b'mod oġġettiv: Jekk wieħed jimxi fuq iż-żewġ suġġerimenti li kien għamel l-Onor. Spiteri f'Mejju ta' l-1995, liema suġġerimenti huma interessanti ħafna jekk teħodhom mil-lat xjentifiku, lil pajjiżna f'liema sitwazzjoni jsibu llum?
Issa hawnhekk, meta qed nistaqsi f'liema sitwazzjoni jinsab pajjiżna llum, m'iniex qed nirriferi biss għall-ammont li se jissellef il-Gvern - għax jien naħseb li f'dan ir-rigward diġa' spjegajna b'mod ċar lil kull min irid jifhem li dan il-Gvern dejjem jgħajjar lil ħaddieħor fuq il-ħofor u fuq id-dejn u fil-fatt f'sena u nofs se jkun issellef iktar milli ssellef il-Gvern Nazzjonalista f'disa' snin u nofs - imma qed nistaqsi dwar l-impatt tad-debt servicing u qed nistaqsi kemm mis-self li noħorġu qed jittieħed mill-pubbliku u kemm qed jittieħed mill-banek? Ħalli nibdew biex naraw x'inhu l-impatt tad-debt servicing, kif issuġġerielna l-Onor. Spiteri.
Madam Speaker, fl-aħħar sena ta' amministrazzjoni Nazzjonalista d-debt servicing tela' għal Lm24.7 miljun. Issa ta' min jgħid li jekk inħarsu lejn il-budget insibu li s-servicing tal-loans fis-sena li qegħdin fiha se jitla' għal iktar mid-doppju għax se jitla' għal Lm54.5 miljun. Ir-raġuni għal dan hija evidenti, għax ġaladarba minn medja ta' Lm33 miljun self fis-sena fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti issa diġa' qbiżna l-medja ta' Lm150 miljun, bilfors li l-imgħax li l-pajjiż ikun qed iħallas fuq is-self li jkun qed jagħmel jikber b'mod astronomiku. Issa ħalli niġu biex nagħmlu l-kejl l-ieħor li rrikkmanda l-Onor. Spiteri.
Madam Speaker, meta joħorġu t-treasury bills kemm jieħu minnhom il-poplu Malti - issa meta fil-gazzetti naqraw li ħarġu dawn it-treasury bills bilkemm ma jagħtukx l-impressjoni li dawn ittieħdu kollha u baqa' ħafna nies fil-queue biex jieħdu iżjed! - u kemm jieħdu minnhom il-banek? L-ewwelnett ħalli naraw x'ġara b'mod fattwali s-sena li għaddiet, li kienet sena sħiħa ta' amministrazzjoni Laburista. Issa qabel ma naraw x'ġara wieħed irid jirrimarka li l-ammont totali ta' dawn it-treasury bills ikun ikbar mis-self li l-gvern ikun għamel għax filwaqt li persentaġġ minnhom joħorġu bħala self ġdid, ikun hemm persentaġġ ieħor li joħorġu biex jissostitwixxu treasury bills li jkunu waslu biex jiskadu minn snin preċedenti. Hawn ta' min jgħid li matul is-sena li għaddiet il-Gvern darbtejn ħareġ treasury bills, darba f'April u darb'oħra f'Settembru. F'April tas-sena l-oħra l-Gvern ta' l-Onor. Sant ħareġ b'Lm150.6 miljun treasury bills, li minnhom is-sistema bankarja ta' pajjiżna refgħet il-piż ta' Lm126 miljun, u l-pubbliku ħa Lm24.6 miljun. Ta' min jgħid ukoll li f'Settembru tas-sena l-oħra l-Gvern ħareġ Lm140.4 miljun fi treasury bills, li minnhom Lm107.2 miljun ittieħdu mill-Bank Ċentrali u minn banek oħrajn, u l-pubbliku ħa Lm33.2 miljun.
Madam Speaker, dawn huma r-riżultati tal-kejl li l-Onor. Spiteri kien issuġġerielna li nagħmlu qabel l-elezzjoni li għaddiet. Imma issa li l-Partit Laburista għamel qabża mill-oppożizzjoni għall-gvern u qed jara d-differenza li hemm bejn dak li tgħid matul kampanja elettorali - u anke fis-snin ta' qabel meta tkun fl-oppożizzjoni - u bejn dak li tagħmel bħala gvern ...