MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, tinterrompix.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Mill-kummenti li qed jagħmel l-Onor. Mizzi donnu jidher li l-Gvern qed jaqbel magħna li meta l-Kamra tkun sospiża, dak il-ħin ma jintilifx imma jiżdied mal-ħin normali tas-seduta.
ONOR. JOE MIZZI: Jien mhux għall-ħin tal-quorum qed ngħid imma għall-ħin tad-division! (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, jekk jogħġbok tinterrompix.
ONOR. LAWRENCE GONZI:Jiġifieri issa f'dan il-Parlament spiċċajna lanqas nistgħu nitkellmu! (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, ir-regoli li joħorġu mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra jgħidu li l-ħin tas-sospensjoni tal-Kamra jiżdied mal-ħin tas-seduta. Konsegwenzjalment jekk il-Kamra hi sospiża għal ħames minuti minħabba sejħa għal quorum, dawk il-ħames minuti ma jintilfux mill-40 minuta tal-kelliem. (Interruzzjonijiet) Ħalli nifhmu l-implikazzjonijietta' l-affarijiet li qed nagħmlu u mhux nagħmlu bħat-tfal iż-żgħar. Jekk aħna rridu nirriduċu lil dan il-Parlament allura ejjew nirriduċuh, imma dak ikun ifisser li meta jkun qed jitkellem l-Onor. Joe Mizzi - jew xi Onor. Membru ieħor ta' kwalunkwe naħa - nistgħu noqogħdu nsejħu quorum kull ħames minuti biex nieklulu l-40 minuta, ħalli żgur li ma jkollux ċans jitkellem. Imma ma narawx li dan ma jagħmilx sens!
Madam Speaker, hemm ir-regoli u aħna għandna nimxu mar-regoli.