ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: L-esperjenza ta' dan il-Parlament hi - u hawn numru kbir ta' deputati li ilhom ħafna f'dan il-Parlament - li għall-ewwel extension li tingħata wara li l-kelliem jgħaddulu l-40 minuta li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, tiddeċiedi l-Kamra. Jekk imbagħad xi ħadd jopponi għal dik l-extension, allura s-Sinjorija Tiegħek għandha tistaqsi kemm hemm in favour u kemm hemm against u jekk il-mozzjoni ma tgħaddix wieħed għandu dritt jitlob division. Hawnhekk irrid nerġa' nenfasizza l-fatt li għall-ewwel extension ta' 30 minuta tiddeċiedi l-Kamra. Huwa biss wara li jgħaddu dawk it-30 minuta li kelliem jiġi bżonn il-permess tal-Kamra biex ikun jista' jibqa' għaddej bid-diskors tiegħu. GĦalhekk ejja ma nħawdux iktar!
Madam Speaker, jien jiddispjaċini li qed ikolli ngħid dan imma huwa evidenti li l-każ ta' jekk għandux jitnaqqas il-ħin tas-sospensjoni tal-Kamra minħabba quorum qam meta s-Sinjorija Tiegħek qalet lill-Onor. Zammit Dimech li skadielu l-ħin u għandu bżonn extension. Fil-fatt dak il-ħin stess l-Onor. Galea qajjem point of order minħabba li l-Onor. Zammit Dimech kien għad fadallu l-ħin għad-dispożizzjoni tiegħu. Dwar dan m'hemmx x'niċċekkjaw għax minn mindu ngħatat l-extension għadu ħadd ma tkellem. Jiġifieri l-Onor. Zammit Dimech, skond l-Ordnijiet Permanenti, u bil-grazzja ta' ħadd minn hawn ġew, għandu dritt jitkellem għal 30 minuta oħra. Din hija l-pożizzjoni, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER:Onor. Fenech Adami, l-ewwelnett nitolbok tirtira l-kliem fejn għidt li f'din il-Kamra hawn it-taħwid, għax jekk f'din il-Kamra hawn it-taħwid dan ilu żmien isir. Fil-fatt qabel ma tingħata extension aħna dejjem rajna li jkun hemm proponent u sekondant. Inti kont korrett meta għidt li jekk xi ħadd jopponi l-extension suppost li s-Sedja tistaqsi min hu in favour u min hu against, imma għidli meta saret din il-proċedura s'issa f'dan il-Parlament!
Issa hawnhekk nixtieq li niċċaraw xi ħaġa. Aħna kif se nimxu hawn ġew, b'ċertu element ta' koperazzjoni u ta' camaraderie, kif dejjem imxiet biha din il-Kamra, jew se nimxu mod ieħor? L-Onor. Fenech Adami.