MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT:Madam Speaker, kieku l-maintenance se tkun tat-tip li saret fuq l-istatwa tal-Granmastru De Vilhena nemmen li għandu jkun hemm intervent min-naħa ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Ċertament li l-proċedura li qed tiġi segwita tagħti din il-possibbilta` fejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jidhrilha li l-affarijiet ikunu sejrin oltre milli għandhom isiru, f'dak li għandu x'jaqsam ma' maintenanceregolari, imma żgur li ma naqbilx ma' proċedura li kull maintenance regolari ta' strutturi li b'xi mod jew ieħor huma relatati mal-wirt storiku għandha tkun il-ħin kollu dipendenti fuq proċeduri burokratiċi li, kif nafu, għandhom tendenza, speċjalment bl-Awtorita` ta' l-Ippjanar preżenti, li jsiru proċeduri tal-waħx. Minflok li huma proċeduri ħfief u alerti għal dak li għaddej huma proċeduri li jtaqqlu u jwaqqfu kollox.