THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Agius, niġbidlek l-attenzjoni li skadielek il-ħin. Xi ħadd jipproponi li l-Onor. Membru jkompli jinstema'.
ONOR. LOUIS GALEA: Nipproponi li l-Onor. Francis Agius ikompli jinstema'.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Francis Agius ikompli bid-diskors tiegħu. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra?
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. ONOR. FRANCIS AGIUS: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra kollha. Dawn huma industriji żgħar li jħaddmu ftit nies u bil-miżuri li ħa dan il-Gvern il-mewt tagħhom waslet fil-qrib. Ħafna minnhom diġa' qegħdin jagħlqu, oħrajn qegħdin inaqqsu x-xogħol tagħhom u ċertament li qed tinħoloq problema kbira għal dawn in-nies.
Sur President, issemmew ukoll għadd ta' proġetti assoċjati mal-millennju l-ġdid. Li jkollna proġett x'nassoċjaw mas-sena 2000 huwa importanti imma noqogħdu attenti għax il-qawl Malti jgħid li qattusa għaġġelija friegħ għomja tagħmel. Wisq nibża' li dawn il-proġetti, anke milli smajna llum - u konna nafu dan diġa' din il-ġimgħa - saru bil-għaġġla għaliex il-Gvern jaf li qed jaqa' lura fl-aġenda tiegħu li jrendi u jagħti dak li wiegħed fl-elezzjoni. Ftit xhur oħra tibda t-triq tan-niżla, tibda l-ġirja għall-elezzjoni u l-Gvern huwa konxju minn dan u diġa' qiegħed fi stat ta' paniku biex joħloq xi forma ta' xogħol jew xi forma ta' proġett ħalli tiċċaqlaq l-industrija tal-kostruzzjoni u b'hekk jiċċaqalqu l-industriji l-oħrajn assoċjati magħha. Imma l-mod ta' kif qed isiru l-affarijiet ma tantx jawgura tajjeb. Sfortunatament jidher li l-flus li se jintefqu se jkunu flus thrown down the drain. U hawnhekk żgur li tkun traġedja għall-pajjiż għaliex dawn il-flus li se nisselfu m'humiex se jissarrfu f'ġid għall-poplu. Int tissellef biex tagħmel xi ħaġa li tirrendi. Ma tissellifx fuq ħaġa li ma tirrendix imbagħad ikollok tara minn fejn iġġib il-flus biex tagħmel servicing ta' dak is-self. Kieku aħna ma ssellifniex biex nagħmlu l-power station kieku hemm numru ta' affarijiet oħrajn li ma jistgħux isiru. Il-power station ma saritx sempliċement biex ikollna d-dawl id-dar imma saret ukoll biex tikber l-industrija. Hemm per eżempju l-isptar il-ġdid u kieku dan ma kellux is-substations tiegħu, kieku ma kienx jinbena. Dik waħda mill-ikbar problemi li kellna fl-ippjanar ta' l-isptar il-ġdid. Jiġifieri ħaġa torbot ma' oħra pero' huwa punt kardinali li meta tissellef il-flus trid tara li jkollok return minnhom. Dan huwa self kbir u sostanzjali. Veru li llum ħadna ġurnata sħiħa imma l-poplu Malti jrid jingħata rendikont tas-somma kbira - barra ammonti kbar oħra li l-Gvern diġa' ssellef u oħrajn li għad irid jisselluf - li l-Gvern irid jissellef. Il-Gvern bilfors f'dik id-direzzjoni jrid iħabbat rasu u dawn il-fatti lilna jinkwetawna. Jinkwetawna għaliex m'aħniex naraw kif dawn se jirrendu f'investiment. M'aħniex naraw dik id-direzzjoni li għandha tittieħed, kemm lokali u kemm estera, biex aħna nkunu nistgħu verament nimxu 'l quddiem.
Sur President, nikkonkludi billi ngħid li l-oġġezzjoni tagħna prinċipali hija sempliċi. Aħna m'aħniex konvinti li dan id-dejn se jkun ta' benefiċċju għal pajjiżna. Dan id-dejn huwa biss soluzzjoni temporanja għal problema li l-maġġorparti tagħha ġabha l-Gvern stess. U għalhekk hemm dan id-dissens, għaliex id-direzzjoni li qed jieħu dan il-Gvern hija direzzjoni żbaljata. Għalkemm nafu li din il-liġi se tgħaddi u li dan id-dejn se jsir, aħna xorta konxji li dan mhux se jkun ta' vantaġġ għall-poplu tagħna u għalhekk, Sur President, aħna se nkomplu nopponu għal dan it-tip ta' self. Grazzi.