ONOR. JOE PSAILA SAVONA:Sur President, jekk l-Onor. Mizzi se jibqa' jinterrompini se jkolli nqajjem każ ta' ksur ta' privileġġ. (Interruzzjonijiet)
ONOR. MEMBRU: Qajmu!
THE DEPUTY SPEAKER:Jekk jogħġobkom, ġibu rispett lejn xulxin. (Interruzzjonijiet) (Għajat)
Is-Seduta hija sospiża minħabba diżordni.
Is-Seduta ġiet sospiża fl-10.09 p.m. u rriżumiet tliet minuti wara. THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Psaila Savona.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Sur President, kont qed ngħid li m'hemm xejn ħażin li ssir talba għal self sakemm dan is-self jintuża biex jgħolli l-livell ta' l-għajxien tal-poplu, pero' jekk ma jkunx għal dan l-iskop inħoss li talba għal self ta' ammont konsiderevoli bħal dan tkun xi ħaġa ħażina. Kont qed ngħid ukoll li meta Gvern Nazzjonalista għamel talbiet għal self kien utilizza dawk il-flejjes fi proġetti kbar li taw ħajja lit-turiżmu u lill-industrija u għollew bil-bosta l-livell ta' l-għajxien tal-poplu Malti. Dan seta' jseħħ permezz tal-proġetti tal-power station, tar-reverse osmosis, ta' l-ajruport, tat-telekomunikazzjoni u oħrajn simili. Imma llum qiegħed isir hekk? Meta għandna talba għal dawn il-flejjes, għandna idea jekk il-livell ta' l-għajxien tal-poplu Malti huwiex se jogħla? Se jkun hawn ħolqien ta' xogħol? M'hemm l-ebda dubju li matul dawn it-18-il xahar ħadd minna ma kien qed jistenna l-kwantita' ta' nies li sabu ruħhom bla xogħol, filwaqt li n-numru ta' persuni li jfittxu x-xogħol u ma jsibuhx kiber. Tista' timmaġina x'livell ta' għajxien għandha persuna bla xogħol, jew inkella persuna li qabel kienet taħdem u issa qed ikollha tgħix fuq ir-relief! Per eżempju, kieku s-self qiegħed isir biex jinħoloq xogħol full-time jew inkella part-time, kont ngħid li tkun ħaġa tajba li dan isir. Resqin lejn is-sajf u minħabba ż-żieda li jkun hawn fit-turiżmu, suppost li jkun hawn talba kbira għal xogħol part-time pero' nsibu li bħalissa dan naqas bil-bosta. Jien għidt li forsi b'dan it-tip ta' self se jkun hemm iktar ħeġġa għax-xogħol u allura se jiżdied l-overtime għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, li mbagħad joħloq multiplier effect fis-settur privat u f'setturi oħra. (Interruzzjonijiet) GĦalkemm dan il-Gvern ħatar il-ministeru għas-self-employed, naħseb li s-self-employed qatt ma kien batut daqskemm kien matul dawn it-18-il xahar!
L-istess, kieku dan is-self qiegħed isir sabiex itaffi mid-dwejjaq li hemm fis-settur li naħdem fih jien, ma kontx se nopponi għalih lanqas. Hija ħaġa tajba li lil min hu l-iktar batut fis-soċjeta', speċjalment min hu marid, intaffulu d-dwejjaq li jkollu. Imma hekk sar matul dawn it-18-il xahar? Numru ta' pazjenti jiġu jgorru miegħi minħabba d-dewmien li qed ikun hemm għall-għoti ta' mediċini, kemm fl-Isptar San Luqa u anke f'postijiet oħra minn fejn jistgħu jġibu dawn il-mediċini, xi ħaġa li qatt ma kellna esperjenza tagħha qabel. (Interruzzjonijiet) Forsi qiegħda ssir apposta! Jiġu jgħiduli li meta jmorru għall-mediċini jagħtuhom numru li jkun jaqbeż il-100 u naturalment sa nofsinhar ikunu għadhom ma nqdewx u jkollhom jerġgħu jmorru darb'oħra, dejjem jekk il-mediċini jkunu available. Qed ngħid dan għaliex saret drawwa ġenerali li ħafna mill-mediċini li jiġu preskritti mit-tobba, speċjalment dawk li huma ta' ċertu valur, ħafna drabi jkunu neqsin. Għadu m'għaddiex xahar wieħed matul dawn l-aħħar 18-il xahar li ma kienx hemm ammont sostanzjali ta' mediċini neqsin mill-isptarijiet tagħna u, kif għidt, dejjem jinzertaw dawk il-mediċini li jiswew l-iktar flus. Mediċini li jiswew ftit flus kważi dejjem ikunu available imma oħrajn li jiswew il-flus sew qed ikunu neqsin b'ċerta regolarita' u allura l-pazjent ikollu jixtrihom hu għaliex ma jkunx jista' joqgħod mingħajrhom.
Kieku jassigurawni li dan is-self se jintuża biex itaffi d-dwejjaq tal-pazjenti, kont ngħid li sewwa se jagħmel il-Gvern għaliex b'hekk ikun qed jgħolli l-livell ta' għajxien tal-poplu tagħna u ta' min hu batut. Kemm-il darba kien hemm talba sabiex iktar pazjenti jibbenefikaw minn iktar mediċini. Għandna ħafna pazjenti li jbatu b'ċertu mard kroniku u huwa veru li mhux dejjem tkun tista' tagħtihom mediċini b'xejn għall-mard li jkollhom. Pero' nippretendi - u hekk kien qiegħed isir - li iktar ma jgħaddi ż-żmien dawk li jbatu b'mard kroniku iktar jibbenefikaw minn mediċini b'xejn, imma fil-verita' iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed ikun hawn nuqqas ta' dawn il-mediċini fl-ispiżeriji tal-gvern.
Per eżempju, kieku dawn il-flus se jintużaw biex meta pazjent jagħmel appuntament fl-Isptar San Luqa ma jkollux għalfejn idum jistenna xi sitt ġimgħat sakemm jinqeda kont nifhimha, imma iktar ma jgħaddi ż-żmien l-appuntamenti aktar qegħdin isiru fit-tul. Dalgħodu stess kont qed inżur pazjent u sibt li l-appuntament li kien imissu biex jattendi l-out-patients clinic fl-isptar kien għall-aħħar ta' Ġunju, sitt ġimgħat oħra. Dawn l-affarijiet imissu jindirizza dan il-Gvern. Il-livell ta' l-għajxien tal-marid mar lura ħafna u hawn għadni ma semmejt xejn dwar min ikollu bżonn jagħmel xi operazzjoni. Meta jkollok pazjent li jkollu bżonn ta' xi operazzjoni, wara li tkun qlajt fwiedek biex tagħmillu appuntament fi żmien raġonevoli, jerġa' jitpoġġa fuq il-waiting list. Jien ma nippretendix li malli tidħol l-isptar għandek tinqeda u ma jimpurtax billi l-pazjent ikollu jistenna xi ftit - aħna konna qegħdin nimmiraw li naslu għas-sitwazzjoni li malli pazjent ikollu bżonn xi ħaġa jeħodha kważi immedjatament - imma li tgħaddi sena u bniedem li jkollu bżonn jagħmel operazzjoni jkun għadu ma nqediex ma nistax nittolleraha. Hawn m'iniex nirriferi għall-bniedem li jkollu bżonn ta' operazzjoni akuta, għaliex dan illum m'huwiex il-każ, imma li jkollok bniedem li jkollu bżonn ta' cold surgery u wara sena jkunu għadhom ma bagħtux għalih, naħseb li hawnhekk qegħdin nidħlu fir-redikolu.
Meta ftaħna l-Isptar Zammit Clapp konna għamilnih bħala benchmark ta' kif nixtiequ li jkunu l-isptarijiet l-oħra - naturalment biex tirranġa sptar bħalma hu l-Isptar San Luqa hija xi ħaġa differenti - fejn urejna x'kienet il-mira tagħna. Kulħadd jaf li x-xogħol li kien isir fl-Isptar Zammit Clapp kien apprezzat mill-poplu Malti kollu. Jien naf b'nies, li l-familjari tagħhom mietu f'dan l-isptar, li għalkemm ikunu ġarrbu n-nuqqas tagħhom jgħidulek li jinsabu kkonfortati li għexu l-aħħar xhur ta' ħajjithom f'ambjent dinjituż. Imma llum il-ġurnata nistgħu ngħidu l-istess ħaġa għall-Isptar Zammit Clapp? Sfortunatament matul dawn l-aħħar 18-il xahar ħlief fuq flejjes ma tkellimniex. L-ewwel iddiskutejna kif se nneħħu l-VAT u x'tip ta' tassazzjoni se tidħol minflokha, imbagħad bdejna niddiskutu fuq is-sisa, u dejjem għaddejjin niddiskutu kif se nraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar. Affarijiet oħra li huma ta' prijorita' bħalma huma l-edukazzjoni, il-kultura, it-turiżmu u s-saħħa ftit li xejn ġew diskussi f'dan il-Parlament. Kif qegħdin taraw, bl-iskuża li l-Gvern ma jistax ikompli jsostni finanzjarjament l-Isptar Zammit Clapp, ġurnata wara l-oħra l-faċilitajiet li kien joffri dan l-isptar qegħdin jitnaqqru.
Madam Speaker, dan jista' jingħad għal ħafna setturi oħra. Biżżejjed ngħid li kieku ma kienx għall-pika li kellna fuq l-Isptar San Raffaele kieku llum il-ġurnata diġa' bdejna ngawdu mill-faċilitajiet li joffri dan l-isptar, imma l-verita' hi li għad m'hemm l-ebda ħjiel dwar meta se jkun lest. Kieku dan is-self kien se jiġi utilizzat għal affarijiet siewja ta' din il-kwalita', din il-Kamra kienet tagħti l-appoġġ tagħha. Dan nista' ngħidu għal kwalunkwe proġett ġdid li ħoloq u li qed jimmira għalih dan il-Gvern. Jien m'iniex se noqgħod nidħol fil-kwestjoni ta' jekk dawn il-proġetti kenux ġew preparati mill-amministrazzjoni preċedenti - dik m'hijiex l-idea tal-messaġġ tiegħi tal-lum - imma rrid ngħid li fil-każ tal-proġetti li qed jiġu proposti l-Gvern m'huwiex qed jiffinanzjahom hu. Dan nistgħu narawh mill-farsa li kellna tal-proġett tal-millennju.
Jien m'għandix dubju li l-Gvern se jaċċetta li dan il-proġett ikun wieħed kulturali li jilqa' fih dak li kellna qabel - għax ma nemminx li dan il-Gvern irid li jkollna auditorium ta' 200 siġġu, qisu għandnal-auditorium tar-Reġina Angelorum - u ninsab ċert li dan il-Gvern jixtieq li jkollu teatru nazzjonali b'capacity ta' mill-inqas 1,000 siġġu. Imma minflok ma qiegħed jiġi quddiem din il-Kamra biex jissellef ħalli jkun jista' jiffinanzja proġett ta' din il-kwalita', qiegħed jerħi kollox f'idejn l-imprendituri. Allura, kif rajna f'dawn il-ġranet, qed jiġri li minflok ma jagħmel dak li jixtieq jagħmel hu, qed ikollu jagħmel dak li jixtiequ l-imprendituri u dan mhux dejjem ikun immirat biex jgħolli l-livell ta' l-għajxien tal-poplu Malti. Dak li jimportah l-imprenditur hu jekk dak li jkun se jagħmel huwiex se jħallilu profitt. Lill-imprenditur privat ma nagħtihx tort għaliex hu se joħroġ il-flus u allura jrid jara li jkollu profitt fuq il-flejjes li se joħroġ, imma d-dover tal-gvern hu li jara x'inhu ta' ġid għall-poplu Malti.