ONOR. GEORGE VELLA: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
DIPARTIMENT GĦALL-AVJAZZJONI ĊIVILI - TIBDIL
14564. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk it-tibdil li mistenni jseħħ fid-Dipartiment għall-Avjazzjoni Ċivili hux b'xi mod marbut mal-ħteġijiet tal-Joint Aviation Authority? Jekk iva, liema huma l-bidliet li se jseħħu kawża tal-JAA?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li t-tibdil li seħħ reċentament fil-funzjonijiet tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili kien sostanzjalment dak ta' separazzjoni tal-funzjonijiet ta' regolatur minn dawk tal-funzjonijiet operattivi. Infakkar li l-eżerċizzju li wassal għal dan it-tibdil qatt ma kien marbut mal-ħteġijiet tal-Joint Aviation Authority. Fil-fatt ninsab informat li jeżistu amministrazzjonijiet ta' l-avjazzjoni ċivili f'xi Stati membri tal-JAA u li għandhom kemm funzjonijiet operattivi kif ukoll regolatorji.