ONOR. KARMENU VELLA: Il-Ministeru m'għandu l-ebda informazzjoni li tindika li l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar ingħatawlu fondi extra għall-manutenzjoni fejn sar il-proġett ta' Buġibba. Iżda l-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi ddedika numru ta' nies għal dawn l-inħawi li qed iwettqu xogħol ta' manutenzjoni kif ikun meħtieġ, liema xogħolijiet qed jitħallsu mill-fond tal-Ministeru tax-Xogħlijiet u Kostruzzjoni. Wieħed irid jgħid li fil-parti l-kbira tax-xogħolijiet li saru f'Buġibba, l-ispejjez tal-manutenzjoni għandhom ikunu anqas mis-snin ta'qabel, għaliex ħafna mix-xogħlijiet bħal toroq, bankini, u xogħlijiet oħra saru ġodda u ma jirrikjedux il-manutenzjoni ntensiva li kien jinħtieġ qabel.
Il-lokalita' ta' Buġibba hija waħda partikolari ħafna, u hija resort ewlieni turistiku li jeħtieġ tmexxija professjonali u speċjalizzata, li tħares l-interessi ta' l-industrija turistika flimkien ma' dawk residenzjali. Il-kunsill mhux kompost biex jilħaq dan il-għan kif fil-fatt rajna diversi drabi.