ONOR. JOE MIZZI: Almenu jien tajjeb għal xi ħaġa, mhux bħalek!
ONOR. NINU ZAMMIT: Jien kont tajjeb biex tajtek l-ilma u dejjem żammejtek nadif, minn kollox!
MADAM SPEAKER: Onor. Zammit, jekk jogħġbok indirizza lis-Sedja.
ONOR. NINU ZAMMIT: Imma huwa tajjeb li jkun hawn l-interjections għax dak li jkun jisħon daqsxejn. Issa ħalli nerġa' niġi għall-punt li kont qed nagħmel, Madam Speaker.
Kif kont qed ngħid il-Gvern wettaq tliet żbalji kardinali, jiġifieri t-tneħħija tal-VAT, l-iffriżar ta' l-applikazzjoni għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-istejjer tal-ħofor. Dawn il-kawżi wasslu biex inħolqot kriżi finanzjarja fil-pajjiż u minħabba f’hekk il-Ministru Mizzi llum kellu jiġi jqatta' ġurnata sħiħa hawnhekk biex il-Gvern tiegħu jkun jista' jitlob approvazzjoni għas-self ta' Lm110 miljun, ħalli almenu jkun jista' jgħatti d-deficit ta' l-1997. (Interruzzjonijiet) U ibqa' hawnhekk sa nofs il-lejl biex tkun tista' tivvota u b'hekk tgħatti l-iżball ta' Lm110 miljun deficit f'sena waħda. Imissek tistħi! Issa ħalli nkompli, Sinjura President. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, jekk jogħġbok tinterrompix. Kompli, Onor. Zammit.