MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT:Madam Speaker, niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum. MADAM SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqas ta’ quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża f'12.05 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara. MADAM SPEAKER: L-Onor. Zammit jista’ jkompli.
ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker, kont se nibda nagħti xi eżempji biex nuri kemm se jkun goff, diżastruż u katastrofiku l-impatt tat-tariffi l-ġodda fil-qasam industrijali. Hawnhekk ukoll se jintlaqat l-aktar l-industrijalist iż-żgħir, partikolarment ir-raħħal. Biżżejjed ngħid li industrijalist li qabel kien jirċievi kont ta' Lm5.10 kull erba' xhur issa għall-istess perijodu se jibda jirċievi kont ta' Lm168, u industrijalist li qabel kien jirċievi kont ta' Lm40 issa se jibda jirċievi kont ta' Lm1,131. Jien qed nagħti dawn l-eżempji għax naħseb li xi wħud min-nies għadhom sa llum m'humiex qed jobsru li se jkun hawn din il-guffaġni u dan il-ġenn ta' kontijiet. Dawn huma żidiet goffi u nġusti, li bla ebda dubju se jkomplu jgħollu l-ħajja u se jkomplu jkabbru l-ferita tal-qgħad.
Jien smajt li din il-ġimgħa l-assoċjazzjoni tal-lukandiera ħarġet stqarrija fejn qalet li hi qatt ma ppretendiet li ż-żidiet fil-kontijiet ta' l-ilma ta' dawk il-postijiet li jaqgħu taħt is-settur tat-turiżmu li ġew imħabbra fil-budget kienu se jseħħu tassew. Pero' minkejja li għaddew sitt xhur sakemm dawn ġew riveduti, it-tariffi li ħarġu għall-qasam industrijali xorta żdiedu minn 57% sa 90% iktar. Industrijalist li qabel kien jirċievi kont ta' l-ilma ta' Lm3,000 kull erba' xhur, issa se jibda jirċievi kont ta' madwar Lm5,500. Madam Speaker, ma xtaqtx intawwal imma bilfors kelli nirriferi għal dawn iċ-ċifri għax il-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal dan il-mismanagement tiegħu.
MADAM SPEAKER: Onor. Zammit, għandek bżonn leave of House biex tkompli tinstema'. Hawn permess? (Onor. Membri: No)
Il-permess ma ngħatax.