THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Dalli, niġbidlek l-attenzjoni li skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi li l-Onor. Membru jkompli jinstema?
ONOR. TONY ABELA: Nipproponi li jkompli jinstema'.
ONOR. JOE CASSAR: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. John Dalli jkompli jitkellem. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed. Il-mozzjoni għaddiet nem. con. ONOR. JOHN DALLI:Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra. Il-Gvern inqabad f'paniku għax qed jagħmel ħafna proġetti biex jipprova jagħti kick-start lill-ekonomija. Bħalma kont għidt f'dan il-Parlament, dan il-Gvern lill-ekonomija kickstaha kemm trid imma start lanqas waħda ma taha! Issa bdejna nagħmlu l-proġetti li għalihom ħarġu t-tenders malajr malajr, ingħata perijodu qasir ħafna biex jintefgħu it-tenders, u qed ngħidu li min jintagħżel irid ilesti l-proġett malajr.
Issa bdejna l-proġett tal-Kottonera u filwaqt li l-Viċi Prim Ministru ġie hawnhekk jagħmel stqarrija li l-kumitat li ħatar għal dan il-proġett għażel it-tender ta' Ċikku, imbagħad smajna li dan il-proġett se jagħmlu Peppu. Imma dawn x'affarijiet huma! Almenu l-Prim Ministru messu reġa' ġie f'dan il-Parlament u spjegalna għaliex f'daqqa waħda l-kumitat biddel id-deċiżjoni tiegħu għax, bħalma ġie hawnhekk jagħmel stqarrija li ntgħażel Ċikku, il-Gvern messu ġie hawnhekk jispjegalna għaliex issa minflok Ċikku ntgħażel Peppu. Issa jien la għandi interess li jintgħażel Ċikku u lanqas Peppu imma aħna rridu nkunu nafu x'qed jiġri għax hemm ħafna mistoqsijiet li għandhom jiġu mwieġba.
Sur President, imbagħad xi ngħidu għall-proġett tat-teatru, dan il-machismo kollu, bil-Gvern ta' l-Onor. Sant jgħidilna li se jagħmel dak li ħadd ma rnexxielu jagħmel f'50 sena! Imma wara li ħarġu t-tenders malajr malajr - fid-diskussjoni tal-budget kont għidt li llum għandna gvern ta' Ġaħan u llum dan iktar qed nikkonfermah, għax Ġaħan kien jagħmel hekk! - x'sibna? Wara li tant ftaħarna li dan huwa l-proġett fenomenali tal-millennju u ma nafx kemm spazju ħadna mill-gazzetti biex nuru kemm aħna bravi u kemm aħna kbar, jien skantajt kif id-direttur tal-kuntratti niżżel fuq il-lista uffiċjali żewġ offerti. Biex għamel hekk dan kiser ir-regolamenti approvati mill-Kamra, li jgħidu li meta jintefgħu offerti l-ewwel għandhom jinfetħu b'ċerta ordni pakketti tad-dokumentazzjoni speċifiċi. GĦalhekk meta qrajt fil-gazzetti li waħda mit-tenders ma kellhiex bid bond, skantajt u tnixxift għax ir-regolamenti jgħidu li f'dak il-każ it-tender ma kellhiex tkompli tinfetaħ. (Onor. Membri: Hear, hear) Allura din it-tender għaliex kompliet tinfetaħ? Biex ngħidu li għandna żewġ offerti jew biex nibdew ninnegozjaw? Imbagħad fil-gazzetti qrajna wkoll li l-offerta fiha ħafna kondizzjonijiet. Jekk dan huwa veru, id-direttur tal-kuntratti ma kellux jaċċettaha. (Onor. Membri: Hear, hear) (Interruzzjonijiet) Kieku konna nispiċċaw mingħajr l-ebda offerta. Issa jien ma nafx għalfejn id-direttur tal-kuntratti għamel dawn l-affarijiet jew jekk ġiegħlux jagħmilhom xi ħadd, imma li qed ngħid hu li mhux sew li niftħu t-tender documents fuq ċerta bażi u mbagħad meta niġu biex nikkonsidraw offerta naqbdu u nibdlu l-kondizzjonijiet minn rajna. Ċertament li jekk jiġu aċċettati kondizzjonijiet ġodda dan għandna nagħmluh pubbliku, ħalli jekk wieħed jidhirlu li dawk il-kondizzjonijiet ikunu jgħoddu għalih ikun jista' jitfa' t-tender. Pero' l-Gvern staħa jgħid li m'għandux offerta valida waħda fuq il-proġett tat-teatru. (Onor. Membri: Hear, hear)
Sur President, diżgrazzjatament dan il-Gvern tela' fuq ħafna wegħdiet bl-addoċċ u l-ħafna wegħdiet bl-addoċċ iwassluk biex tiggverna bl-addoċċ. Dan il-Gvern jinsab maqbud f'morsa għax filwaqt li jaf preċiżament x'ma jridx, min-naħa l-oħra m'għandu l-ebda idea xi jrid. Fil-fatt din hi d-dilemma li għandu pajjiżna llum. GĦandna gvern li jaf preċiżament x'ma jridx. Ma jridx dak li bih seraq tant eluf ta' voti, bit-tpespis fil-widnejn fil-kampanja elettorali li għamlu fi djar in-nies, għax ma kenux kapaċi dak iż-żmien jiddiskutuh fl-apert. Aħna nafu li l-Gvern ma jridx il-VAT, pero' min-naħa l-oħra x'irid? Ma jafx xi jrid, u huwa proprju għalhekk li filwaqt li għadna kemm rajna l-farsa tal-konċepiment tas-CET, minn hawn u ftit żmien ieħor se naraw il-mewt ta' din is-sistema ta' tassazzjoni. M'ilux wisq li kellna l-opportunita' li naraw din is-soap opera tiżviluppa fuq it-television, bil-Prim Ministru jipprova jwieġeb għad-domandi li jsirulu billi jaqbad u jagħmel il-policies dak il-ħin stess, on two feet - iqum xi ħadd mill-platea u jpoġġi l-każ tiegħu, u mbagħad il-Prim Ministru jirrispondih u jgħidlu:Int hekk trid? Mela issa narawhielek din, ta'! U lill-ieħor jgħidlu: Int hekk trid? Issa narawhielek ukoll! Hekk saret is-CET - u allura bilfors li s-CET ġabet it-taħwid. X'ma toħloqx taħwid! X'ma toħloqx din l-emorraġija fuq id-dħul tal-gvern! X'ma tpoġġix il-Gvern f'pożizzjoni li llum ikollu jiġi hawnhekk biex jitlob l-awtorizzazzjoni tal-Parlament ħalli jissellef Lm110 miljun! (Onor. Membri: Hear, hear) Mela ejjew ngħidu l-fatti kif inhuma. Illum dawn għalhekk qed jiġu jitolbu lil dan il-Parlament awtorizzazzjoni għal self ta' Lm110 miljun, għax ma jafux xi jridu u ma jafux kif jiggvernaw. Dan huwa gvern inkompetenti f'dak kollu li qed jagħmel.
Pero' ħalli nkompli nittratta l-kwestjoni tal-VAT għaliex issa qed naraw li għandhom change of heart - naturalment imġegħlin ikollhom change of heart - u qed nisimgħu li deħlin taxxi ġodda. (Interruzzjonijiet) Iva, x'taxxi ġodda deħlin qed nisimgħu, u qed nisimgħu wkoll li l-prodott lokali se jiġi ntaxxat daqs il-prodott ta' barra. Mela din m'hi xejn ħlief value added tax pura. Allura għaliex ma ngħidux li se nerġgħu ndaħħlu l-VAT! (Interruzzjonijiet)