Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə39/232
tarix07.01.2022
ölçüsü1,09 Mb.
#91175
1   ...   35   36   37   38   39   40   41   42   ...   232
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki. L-Onor. Lawrence Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Sur President, naħseb li wara li smajna dawn l-interventi kollha s'issa - u żgur li għad irridu nisimgħu aktar interventi minn din in-naħa, u ma nafx jekk hux ukoll mill-kollegi tagħna tan-naħa l-oħra tal-Kamra - wieħed mill-ewwel jinduna li l-Oppożizzjoni qed tħares lejn dan l-abbozz ta' liġi b'mod li joffrilna l-opportunita' li għal darba oħra, bħalma għamlna matul dawn ix-xhur kollha li għaddew, nipprovaw bi sforz ġenwin ieħor infittxu l-aħjar triq għal pajjiżna. Qegħdin nitkellmu dwar abbozz ta' liġi li l-Gvern ressaq quddiem din il-Kamra biex ikun jista' jissellef Lm110 miljun ħalli jagħmel tajjeb għad-deficit tas-sena li għaddiet. F'dibattitu bħal dan, il-Kamra qed tingħata l-opportunita' illi għal darb'oħra tipprova tiftaħ għajnejn il-Gvern u tispjegalu bil-kalma illi l-politika li qiegħed jadotta u jimplimenta hi s-sors tal-problemi kollha li pajjiżna bħalissa jinsab fihom.
Konsistentement tul ix-xhur li għaddew l-Oppożizzjoni ippruvat bil-prudenza kollha tiftaħ għajnejn il-Gvern u kemm-il darba sejħet għal consensus, ħalli b'mod kostruttiv nippruvaw insibu dak li hu l-aħjar interess tal-poplu tagħna. Sfortunatament għalina, u b'mod speċjali sfortunatament għal dan il-poplu, wara 18-il xahar ta' Gvern Laburista, l-unika reazzjoni li rajna min-naħa l-oħra ta' din il-Kamra hija reazzjoni ta' għebusija tar-ras, reazzjoni ta' pika tat-tfal iż-żgħar u reazzjoni illi ma tagħtikx fiduċja illi ġenwinament nistgħu flimkien infittxu dak li hu fl-aħjar interess ta' pajjiżna. Għaliex qed ngħid hekk? Għax nerġa' nirrepeti li hawn għandna proposta biex dan il-Parlament jawtorizza lill-Gvern jissellef Lm110 miljun għad-deficit tas-sena l-oħra u huwa inevitabbli li aħna nduru fuq il-Gvern u nistaqsuh dwar kif ġie dan id-deficit. Wara xhur sħaħ li ilu jiggverna u jimplimenta deċiżjonijiet - deċiżjonijiet li ħa hu u mhux ħadhom il-Gvern Nazzjonalista - ir-riżultat hu li l-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant spiċċa b'dan id-deficit inkredibbli.
Jiena m'għandi l-ebda intenzjoni li noqgħod nirrepeti l-punti li diġa' saru matul dan id-dibattitu - dibattitu li mmatura u għad jonqsu biex jimmatura, għax issa ilu għaddej fuq tliet seduti jew erbgħa - pero' kieku kellek tfittex tinduna li l-argumenti kollha kemm huma jduru madwar il-kwestjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. U bilfors ikun hekk għax din il-kwestjoni hija kardinali għal pajjiżna. Madwarha jdur id-destin ta' pajjiżna. Madwarha jdur id-destin ta' dawn ix-xhur li qed ngħixu, tas-snin li għandna quddiemna, kif ukoll tas-snin li ġejjin anke fit-tul. Dan huwa l-fattur komuni u forsi l-aktar memorja friska li għandna f'rasna ta' kemm dan l-argument hu fattur komuni bejn id-diskorsi kollha li smajna huma d-diskorsi ta' dalgħodu.
Dalgħodu tkellem l-Onor. Anton Tabone, li kien in possession fil-bidu ta' din is-seduta, u l-argument tiegħu, iffokat speċjalment fuq Għawdex, kien mibni fuq il-kwestjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Tkellem l-Onor. Ninu Zammit, li jsegwi l-qasam tal-biedja u sajd, li għamel diskors mibni madwar il-kwestjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Tkellem ukoll l-Onor. Alex Sceberras Trigona, min-naħa l-oħra tal-Kamra, illi rrisponda u bbaża d-diskors sħiħ tiegħu fuq ir-relazzjonijiet ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea. Issa, f'diskors tassew tajjeb, wara li ta ħarsa dwar x'wassal lil pajjiżna għas-sitwazzjoni preżenti u x'wassal lil dan il-Gvern biex jiġi quddiem dan il-Parlament u jitlob il-karita', jitlob il-permess biex jissellef Lm110 miljuni oħra, barra l-miljuni li diġa' awtorizzajnih jissellef, l-Onor. John Dalli bena l-argument tiegħu madwar il-fatt illi dan kollu hu marbut ukoll mal-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea. U ġejna f'din is-sitwazzjoni stramba u skomda għad-deputati f'dan il-Parlament, illi kull diskors, jekk irridu veru nfittxu dejjem l-interess ta' pajjżna, bilfors jeħodna lura għall-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea. Dan inevitabbli.
Madam Speaker, waqt l-intervent tiegħu l-Onor. Dalli qal li qegħdin f'sitwazzjoni daqsxejn antipatika, fejn qegħdin nabbużaw mir-regoli tal-Kamra. Għaliex qal hekk l-Onor. Membru? Għax l-aħħar item fuq l-aġenda għal din is-seduta maratona - stil ta' kif dan il-Gvern imexxi x-xogħol fil-Parlament - hija t-tkomplija tad-diskussjoni tar-riżoluzzjoni li kien ressaq il-Kap ta' l-Oppożizzjoni fit-12 ta' Ottubru tas-sena li għaddiet, u li minn dak inhar sal-lum dan il-Gvern baqa' jirrifjuta u baqa' jwebbes rasu u ma jħallix lil dan il-Parlament iġib għall-għeluq tagħha. Dan il-Parlament ma jiġix hawn biex jiddibatti biss, ma niġux hawn biex noqogħdu nitkellmu fil-vojt biss, għax kieku nistgħu mmorru nieħdu kafe' għand Cordina u noqogħdu niddibattu kemm irridu! L-iskop ta' dan il-Parlament m'huwiex biss li jiddibatti imma hu li jiddibatti biex iwassal għal deċiżjoni. Huwa ħażin li fuq l-aġenda tħalli item imdendla u ma tippermettix lil dan il-Parlament iwassalha għall-konklużjoni tagħha, wara li jkunu ġew esposti l-argumenti kollha. Allura spiċċajna f'din is-sitwazzjoni stramba li għandna item fuq l-aġenda, ċioe' il-kontinwazzjoni tad-diskussjoni fuq ir-riżoluzzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni li l-Gvern ma jridx iħallina niddiskutu, pero' fl-istess ħin għandna l-ewwel item ta' din l-istess aġenda li proprju ddur madwar il-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea. Mela spiċċajna fis-sitwazzjoni stramba li biex niddibattu dan l-abbozz dwar is-self bis-serjeta' rridu bilfors nidħlu fil-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea.
Issa hawnhekk qegħdin marbutin b'regolament li jgħid li ma nistgħux nitkellmu fuq item ieħor li jkun qiegħed fuq l-aġenda. Waqt l-intervent tiegħu, l-Onor. Dalli f'mument minnhom dar fuq min kien qed jippresjedi din il-Kamra u qallu li teknikament qed jinkisru r-regoli tal-Kamra għax mhux suppost jiġi ttrattat item ieħor ta' l-aġenda. (Interruzzjonijiet) Dak il-ħin l-Onor. Mizzi kien se jqajjem point of order pero' reġa' ħasibha għax li kieku qajjem il-point of order hekk kien jiġri. Jekk min qed jippresjedi jrid jimxi verament mar-regoli ta' din il-Kamra, irid idur fuq l-Onor. Dalli u jgħidlu li fuq l-Unjoni Ewropea ma jistax jitkellem. Hekk suppost li jsir. Jiġifieri qed ngħixu ħajja ftit stramba f'dan il-Parlament. Kieku xi ħadd f'din il-Kamra jdur fuq is-Sedja u jitlob li jiġu mplimentati r-regoli, ikun ifisser li ma nistgħux nitkellmu fuq l-Unjoni Ewropea. Bħalissa pajjiżna għandu Parlament b'item imdendla u teknikament hawnhekk ma nistgħux niddiskutu l-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea sakemm il-Gvern, bil-bona grazzja tiegħu, ma jasalx biex jippermetti lil dan il-Parlament jiddiskutu dan is-suġġett.
Meta niġu biex nivvotaw irridu niddeċiedu bejnietna jekk dan il-Parlament għandux jagħti l-permess lill-Gvern biex jissellef dawn il-Lm110 miljun, u aħna qed ngħidulu li ma nistgħux niddivorzjaw il-kwestjoni tas-self mill-kwestjoni dwar l-Unjoni Ewropea. Dawn huma miżżewġin ma' xulxin, żewġ affarijiet magħqudin intimament ma' xulxin u aħna ma nistgħux nisseparawhom minn xulxin. Dawn huma żewġ affarijiet li llum imorru flimkien u se jkomplu jmorru flimkien, u mhux biss fuq dan l-item ta' l-aġenda. Il-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea tant hija importanti għal pajjiżna li tista' tgħid torbot ma' l-aġenda sħiħa li għandna quddiemna llum. Allura wieħed irid jirrifletti ftit. Qed ngħidu li qabel jiġi biex jivvota, deputat irid l-ewwel ikun espona l-argument kollu dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Allura jien bilfors nasal biex ngħid, Madam Speaker, li f'dan l-istadju l-iktar ħaġa sensibbli hi li nieqfu mid-diskussjoni dwar dan l-abbozz ta' liġi, biex qabel ma nieħdu d-deċiżjoni jekk għandniex nawtorizzaw lill-Gvern biex jissellef Lm110 miljun - ħalli jagħmel tajjeb għad-deficit li hu ġab b'idejh is-sena li għaddiet - niddiskutu l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-Unjoni Ewropea u dwar x'inhi l-aħjar triq biex dan il-Gvern ikun jista' jevita li s-sena d-dieħla jerġa' jiġi quddiemna u jerġa' jitlob li jissellef Lm110 miljun oħra. Irridu l-ewwel niddiskutu u niddeċiedu f'dan il-Parlament jekk hijiex l-aħjar triq li mmorru għal sħubija sħiħa, jew inkella hijiex l-aħjar triq li mmorru għaż-żona ta' kummerċ ħieles li għażel il-Gvern, qabel ma niddeċiedu jekk nagħtux il-permess lill-Gvern biex jissellef il-Lm110 miljun. L-affarijiet hekk jagħmlu sens.
Madam Speaker, meta wieħed iħares lejn dak li jirregola lil dan il-Parlament u parlamenti oħrajn isib regolament li jippermetti li aħna nagħżlu dik it-triq, u jien naħseb li ta' min iħares lejh dan ir-regolament. Jeżisti mod kif aħna nistgħu nipproponu lil dan il-Parlament biex nipposponu din l-item biex niddiskutu item ieħor. Qed nirriferi għar-Regolamenti 14 u 15, li jippermettu li Membru ta' din il-Kamra li jkun in possession waqt li tkun qed tiġi dibattuta liġi, iressaq mozzjoni biex id-diskussjoni fuq l-abbozz ta' liġi tiġi sospiża. Fil-fatt hi mozzjoni għall-aġġornament tad-diskussjoni li tkun għaddejja.
Madam Speaker, jien tajt daqqa t'għajn lejn dan ir-regolament u tajt daqqa t'għajn lejn x'jgħid Erskine May, biex nara jekk hux kull Membru jista' jagħmilha jew jekk hux ministru biss jista' jagħmilha, pero' din id-darba hija ċara daqs il-kristall - u wieħed żgur ma jistax jaħrab minnha - kemm fir-regolamenti tagħna u aktar u aktar f'Erskine May, li l-Membru li jkun in possession jista' jressaq mozzjoni f'dan is-sens. Fil-fatt Erskine May f'paġna 339 jgħidlek li:
"During debate upon a question any Member may move, 'That this House do now adjourn ..."
- li m'huwiex dak li qed nipproponi jien -
""... or that the debate be now adjourned".
Imbagħad ikompli jgħid:
"He does so not by way of amendment to the original question but as a distinct question which interrupts and supersedes that already under consideration".
Erskine May qed jgħid li huwa possibbli li Membru li jkun qed jitkellem iressaq dan ħalli jkun jista' jaġġorna d-diskussjoni.
"The use of the motion for the adjournment of the House to supersede another question must be distinguished from its use as a substantive motion, i.e. before or between the Orders of the Day ...".
- jiġifieri dan qed jagħmel distinzjoni bejn item ta' l-aġenda li tkun magħluqa u item oħra ta' l-aġenda li nkunu deħlin fiha; hemmhekk ukoll wieħed jista' jressaq il-mozzjoni biex jaġġorna s-seduta -
"...when it can be moved only by a Member of the Government."
Jiġifieri f'dik is-sitwazzjoni Membru tal-Gvern biss jista' jressaqha. Jiġifieri Erskine May qed jagħmilha ċara li Membru li jkun fil-pussess waqt li jkun qiegħed jidibatti liġi jista' jressaq mozzjoni f'dak is-sens.
Naturalment, Madam Speaker, hemm ċertu ammont ta' diskrezzjoni li s-Sedja għandha mogħtija lilha mir-regolamenti tal-Kamra biex tiddeċiedi. X'inhi din id-diskrezzjoni? Diskrezzjoni li toħroġ mill-iStanding Order Nru. 15 tar-regolamenti tagħna tgħidlek li
"Jekk l-iSpeaker jew il-President ta' Kumitat tal-Kamra kollha jkun tal-fehma illi mozzjoni għall-aġġornament ta' diskussjoni, jew tas-seduta matul xi diskussjoni, jew li l-President jirrapporta progress jew li jħalli postu, tkun abbuż tar-regoli tal-Kamra, jista' minnufih iqiegħed il-proposta għall-voti dwar hekk minn postu, jew jista' jiċħad milli jaċċetta dik il-mozzjoni."
Jiġifieri is-Sedja għandha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk meta nressaq din il-proposta quddiem din il-Kamra nkunx qiegħed nabbuża mir-regoli tal-Kamra.
Issa jiena, Madam Speaker, nixtieq l-ewwelnett ngħid li wisq nibża' li l-verita' sagrosanta hi li jekk ma nagħmlux hekk inkunu qed nabbużaw mir-regoli tal-Kamra. Kif għidt diġa', għandna item ta' l-aġenda li ma nistgħux niddiskutuh u proprjament bħalissa qegħdin nabbużaw. Allura l-proposta tiegħi lis-Sedja hija biex inneħħu dan l-abbuż u biex inneħħu din l-irregolarita'. Jiġifieri fil-konsiderazzjoni tas-Sedja dwar il-proposta tiegħi li nissospendu din id-diskussjoni, is-Sedja trid tirrifletti dwar din il-kwestjoni. Għandna sitwazzjoni ta' abbuż u jiena qed nipproponi li din il-qagħda nirradrizzawha billi nieqfu mid-diskussjoni fuq dan l-abbozz ta' liġi u niddiskutu l-kwestjoni tar-riżoluzzjoni fuq l-Unjoni Ewropeja.
Madam Speaker, jien nissottometti li m'inix qiegħed nabbuża min xi regola tal-Kamra. Jien nixtieq nenfasizza li mhux talli m'inix qed nabbuża mill-ebda regola tal-Kamra, talli l-proposta qed nagħmilha biex proprju niġu in regola.
Madam Speaker, irrid ngħid ukoll li l-Ordni Permanenti 13 - u nagħmel riferenza partikolari għal dan - jippermetti lil kull deputat ta' din il-Kamra li jqajjem kwestjoni urġenti li jkollha bżonn tiġi diskussa f'din il-Kamra. Sub-paragrafu (4) ta' dan l-Ordni Permanenti jgħid hekk:
" Ebda diskussjoni ma tista' titqanqal b'dan il-mezz dwar ħwejjeġ li jkunu avżati għad-diskussjoni jew li jkunu mniżżla bħala ordni tal-ġurnata jew dwar kwistjoni ta' privileġġ, jew dwar ħaġa li ma tistax tiġi diskussa ħlief wara mozzjoni speċifika."
Dan ifisser li membru ta' din il-Kamra ma jistax jirriferi għall-Ordni Permanenti 13, lanqas jekk tinqala kwestjoni ta' urġenza kbira dwar l-Unjoni Ewropea, ladarba fl-aġenda hemm ir-riżoluzzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropeja. Dan mhux sempliċement abbuż mir-regoli tal-Kamra imma huwa abbuż mill-interessi veri ta' pajjiżna. (Onor. Membri: Hear, hear)
Fl-opinjoni tiegħi m'għandna nħallu l-ebda ċirkostanza li tisvolġi ruħha b'mod li Membru f'dan il-Parlament ma jkunx jista' jqajjem kwestjoni ta' serjeta' u ta' urġenza minħabba l-għebusija ta' ras il-Gvern, li b'pika bla sens ipoġġi item fuq l-aġenda u jħalliha mdendla għal seba' xhur sħaħ, allavolja konsistentement ikollu Oppożizzjoni li l-ħin kollu qed tgħidlu bil-kelma t-tajba biex inkomplu din id-diskussjoni għax hija fl-interess ta' pajjiżna. M'huwiex fl-interess ta' l-Oppożizzjoni imma huwa fl-interess ta' pajjiżna li nkomplu din id-diskussjoni. Għalhekk mhux talli mhux qed nipproponi din il-mozzjoni b'abbuż talli nsostni li jekk inħallu s-sitwazzjoni kif inhi nkunu qed inħallu abbuż, u formalment qed inressaq mozzjoni - li għandha bżonn tiġi ssekondata minn Membru ieħor ta' din il-Kamra - li l-Kamra tissospendi, taġġorna d-diskussjoni fuq dan l-abbozz ta' liġi biex inkunu f'pożizzjoni li nkomplu bid-diskussjoni dwar l-Unjoni Ewropea.
Irrid mill-ewwel niġbed l-attenzjoni ta' din il-Kamra li mozzjoni bħal din m'għandhiex bżonn avviż. L-Ordni Permanenti 35(2) jgħid li m'hemmx għalfejn avviż meta titressaq mozzjoni li tipproponi l-aġġornament għal diskussjoni. Irrid ngħid ukoll li dan li qed nipproponi jien ma jikkonsistix fi proposta li tbiddel l-ordni ta' l-ordnijiet tal-Ġurnata imma hija proposta biex aħna nwaqqfu l-abbuż li bħalissa qed ngħixu flimkien, u donnu kulħadd qed jagħlaq għajnejh għalih, u nġibu s-sitwazzjoni tagħna in regola. (Onor. Membri: Hear, hear).

Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   35   36   37   38   39   40   41   42   ...   232




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin