Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə44/232
tarix07.01.2022
ölçüsü1,09 Mb.
#91175
1   ...   40   41   42   43   44   45   46   47   ...   232
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Tony Abela.
ONOR. TONY ABELA: Madam Speaker, x'ħin smajt lill-Onor. Farrugia jitkellem kważi bdejt nemmen li qed ngħix f'dinja oħra. Pero' x'jgħid the man in the street meta jara l-mod kif qiegħed imexxi dan il-Gvern, li issa wasal biex jerġa' jissellef Lm110 miljun oħra. Jekk aħna naraw kemm beħsiebu jissellef f'dawn is-sentejn, sal-budget li jmiss, insibu li bejn wieħed u ieħor se jkun eċċeda s-somma ta' Lm250 miljun, jew aħjar kwart ta' biljun lira. Meta nqisu li hawn 280,000 votant, dan ifisser li fuq kull ras il-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant qed ipoġġi piż ta' Lm900. Ftit ilu smajna lill-Onor. Membri tan-naħa l-oħra jgħajru lilna dwar il-miljuni li l-Gvern Laburista qed ikollu joħroġ biex iħallas l-imgħaxijiet fuq self li kien għamel il-Gvern Nazzjonalista, li skond huma sar f'ambjent ta' ħela. Issa b'dan li qed jissellef il-Gvern tal-lum irid kważi Lm20 miljun - għax l-imgħax ħiereġ bis-7.2% - biex iħallas l-imgħaxijiet fuq Lm260 miljun, li se jkun issellef f'dan il-perijodu ta' sentejn. Madam Speaker, għaliex kien issellef il-Gvern ta' qabel?
Il-Gvern preċedenti kien issellef biex jagħmel xogħol infrastrutturali - biex illum paxxejna lill-Gvern Laburista ħalli jkun jista' jbigħ shares fil-Malta International Airport u ħalli jkun jista' jbigħ shares tal-Maltacom lill-privat! - u rranġa l-infrastruttura b'mod li mhux biss ħoloq xogħol, mhux biss aġġorna ruħu, mhux biss ġabna fuq quddiem fis-sistema tat-telekomunikazzjoni imma rrenda biżżejjed sabiex seta' jbigħ ix-shares. Qalulna li f'inqas minn sena - għax fil-5 ta' Novembru tas-sena li għaddiet tressaq il-budget - tant issodat it-Telemalta u tant issodat l-MIA li l-Gvern issa jista' jbigħ ix-shares u jiġbor il-miljuni minnhom, u wara li jiġbor il-miljuni tax-shares imbagħad jerġa' jiġbor it-taxxa u b'hekk dawn jibqgħu jirrendu lill-Gvern. Dak li verament kellu bżonn il-poplu Malti. (Interruzzjonijiet)
Issa jien ma nafx kif il-Ministru tal-Finanzi - biex ma ngħidx il-Prim Ministru - ma qabadx lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u tah erba' kotba oħra biex jippubblikahom, forsi on the way kien isib Lm23 miljun oħra kull darba - u mela jiġi jgħidilna li ma jafx kif f'daqqa waħda sab li kien hemm dħul ta' Lm23 miljun! - u konna niffrankaw din il-maratona ta' diskussjoni u konna anke nagħmlu monument lis-Sur Ellul. Pero' jekk veru li fl-ogħla istituzzjoni monetarja u finanzjarju ta' Malta ħarbitilhom biċċa xogħol ta' Lm23 miljun, allura bħalma naraw f'pajjiżi oħrajn u bħalma rajna lill-Onor. Charles Mangion jieħu r-responsabbilta` u joffri r-riżenja tiegħu wara żball jew ineżattezza ta' ħaddieħor, nippretendi li waqt il-laqgħa tal-Public Accounts Committee - li tibda minn hawn u ftit ieħor - il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali għandu u ħaqqu jippreżenta r-riżenja tiegħu, għax dan kollu juri ineffiċjenza totali.
M'aħniex qegħdin nitkellmu fuq Lm100, fuq Lm1000 jew fuq ċifra żgħira li setgħet marret ħażin imma qegħdin nitkellmu fuq ċifra kbira. Min suppost qed jikkontrolla b'kemm tipproduċi Malta, min suppost qed jikkontrolla l-Fond Konsoldat, min qed jikkontrolla l-ħruġ u d-dħul mill u fil-Kaxxa ta' Malta mhux żball gravi għamel imma żball kważi sagrileġġ. U jien ngħid li bħalma għamel żball hemm, jista' jkun li għamel żball ukoll fir-rapport dwar kemm qed jipproduċi l-pajjiż. Jista' jkun ukoll li dan għamel żball fiċ-ċifra li niżżel ta' kemm qegħdin jaqilgħlu il-lukandi, ta' kemm qed jonfqu t-turisti u ta' kemm qed idaħħal il-Gvern mill-income tax. U x'ħin wieħed joqgħod jaħseb verament li l-Bank Ċentrali - li suppost jamministra budget ta Lm500 miljun f'sena - jagħmillek żball ta' 5%, allura naraw kemm veru m'hemmx preparazzjoni serja u kemm min hu responsabbli ma ħaqqux li qiegħed fil-pożizzjoni li qiegħed. Pero' ma nixtieqx li jgħidu li ġejt hawn biex nagħmel attakk fuq il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali. X'ħin jorqod għandu l-kuxjenza tiegħu u jara hu jekk huwiex dehen li jibqa' hemmhekk jew joffri r-riżenja lil min suppost, imbagħad jekk għandhomx jaċċetawha dik tkun ħaġa oħra.
Madam Speaker, għaliex qegħdin nissellfu Lm110 miljun? Qegħdin nissellfu dawn il-miljuni kollha biex nissodisfaw ir-rigal ta' Lm3 miljun li l-Labour Party ingħata mingħand il-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant fuq proprjeta' f'Pembroke. Għax l-art ta' Pembroke għandha valur ta' Lm3 miljun, bil-mod kif ġie skontat mil-Lands fir-rigal li tawhom, u minkejja t-turija biċ-ċar ta' kif ġraw l-affarijiet, l-illustrissimi Onor. Membri tal-Gvern ta' quddiemna għoġobhom xorta japprovaw.
Il-Gvern qiegħed jissellef Lm110 miljun sabiex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' dħul mit-taxxa - għidilha VAT, TAV jew ETS - u għan-nuqqas ta' dħul kaġunat minn nuqqas ta' ġenerazzjoni ta' kummerċ. Dawk li huma fil-professjoni notarili, kemm aħna kif ukoll tan-naħa l-oħra, jiltaqgħu ma' nies li qegħdin fil-kummerċ, ma' tal-lukandi, ma' tal-bini u ma' nies li qegħdin jaqilgħuha u jiekluha. Niltaqgħu ma' nies li qabel kienu jiġu għandna b'wiċċ daħkan għax ir-rota kienet iddur u dawn in-nies illum jiġu għandna nkwetati. Dak tal-lukanda jiġi nkwetat mhux għaliex sal-ġimgħa l-oħra ma kienx kompetittiv imma għaliex minkejja li l-Ministru tat-Turiżmu ħoloq l-awtorita` nazzjonali tat-turiżmu, din l-industrija ħadet gambetta - li qrajna dwarha fil-gazzetti l-ġimgħa l-oħra - meta l-operaturi li f'ħafna xhur fis-sena joperaw on a break-even basis biex ma jżommux il-lukandi tagħhom vojta, illum għollewlhom is-servizz tad-dawl, ta' l-ilma u tad-drenaġġ b'mod li min kien iħallas Lm10,000 issa se jkollu jħallas Lm16,000, u min kien iħallas Lm20,000 issa se jaqbeż it-Lm30,000.
Madam Speaker, ċerti kuntratturi żgħar jippreferu jsibu xi biċċa xogħol, jagħmluha u jitħallsu tagħha milli jieħdu xi tender tal-gvern, għax iħossu li m'humiex kbar biżżejjed biex jidħlu għal ċertu xogħol. Illum insibu li ħafna negozjanti qegħdin jaħdmu bi tpartit - għax imbagħad dak li jkun jista' jerġa' ipartat ma' tal-konkos u ma' tal-barriera - biex għallinqas ikun qed iħaddem in-nies. Illum il-first-time buyers jinsabu mdejqin minħabba l-istat li tinsab fih l-ekonomija. Bil-pass imgħaġġel li qabel kienet għaddejja bih l-ekonomija, meta dawn kienu jixtru l-proprjeta' kienu jikkalkolaw id-dħul li kien se jkollhom mill-overtime, imma llum peress li x-xogħol naqas dawn ikollhom jgħaddu bil-paga biss, sakemm ma taqrax f'xi gazzetta li xi kumpanija kellha tnaqqas in-nies minħabba nuqqas ta' xogħol. Jiġifieri n-nies li qabel kellhom garanzija ta' standard of living għoli llum qed ikollhom jgħaddu bil-paga minima.
Madam Speaker, għaliex taħseb li l-Gvern qed jitlob biex jissellef Lm110 miljun? Għaliex filwaqt li qabel l-elezzjoni l-Onor. Alfred Sant kien wiegħed li se jkun kapaċi jsolvi l-problemi tat-tarznari, illum wara sena u nofs baqa' ma solva xejn u lit-tarznari tahom Lm24.6 miljun biex jaqtgħu l-kontijiet li għandhom u mhux biex jinvestu f'xogħol ġdid li jkun jista' jrendi. U hawn hu l-ħażin. Il-Gvern mhux qed jitlobna l-flus biex jinvesti f'xi ħaġa ħalli b'dak li jaqla' jkun jista' jħallas l-imgħax imma qed jitlobna l-flus ħalli jkun jista' jżomm f'wiċċ l-ilma. Meta bniedem imur il-bank biex jissellef l-ewwel jistaqsuh jekk għandux x'jagħmel tajjeb - illum fuq self ta' ammonti żgħar il-bank ma jinsistix għal garanzija bankarja jew għal garanzija ipotekarja fuq propjeta' jew fi flus - imma iktar minn hekk jimportahom jekk huwiex kapaċi jħallashom lura.

Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   40   41   42   43   44   45   46   47   ...   232




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin